L-FKNK tiddikjara iswed fuq abjad dak li tibża’ li jista’ jiġri…

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) informat lill-membri tagħha bis-sitwazzjoni preżenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-futur tal-kaċċa u tal-insib f’Malta.

L-FKNK stqarret li tissuspetta li jekk il-Birdlife Malta tibqa’ tingħata dawk li sejħitilhom poter u finanzi, jekk barranin jitħallew jabbużaw mid-drittijiet tagħhom fil-kampanja Maltija, u jekk ir-rappreżentanti Maltin fi Brussell ma jbiddlux l-attitudni tagħhom, se tispiċċa kull forma ta’ insib u d-deroga tar-rebbiegħa. Tibża wkoll li l-kaċċa tibda tkun permessa biss f’Ottubru, Novembru u Diċembru, u tkun projbita fil-Ħdud u btajjel. L-FKNK qalet li hemm riskju li d-distanza ta’ 200 metru mill-abitat tiżdied għall 500, u l-kaċċa tkun permessibli biss sal-10:00am.

Il-Federazzjoni qalet li tul dawn l-aħħar ħames snin, ħejjiet rapporti mmirati biex jiġġustifikaw b’mod xjentifiku u legali l-kaċċa u l-insib tradizzjonali f’Malta. Dawn id-dokumenti tawhom lill-Gvern, lill-Partit Laburista, u lill-Kumitat Ornis. L-FKNK qalet li saru diskussjonijiet tekniċi fuq bażi regolari kemm mill-Partit Laburista kif ukoll mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministru Mario Demarco. Madanakollu l-istess FKNK qalet li mal-Gvern ma seta’ jintlaħaq ebda’ ftehim, lanqas fuq affarijiet bażiċi, bħal per eżempju għalfejn l-FKNK temmen li Malta għandha tkun l-uniku pajjiż membru tal-UE li m’għandux staġun fiss tal-kaċċa fil-ħarifa u x-xitwa.