L-FKNK tħeġġeġ lill-membri tagħha jieħdu passi dwar il-liġi tad-Dominju Pubbliku

Waqt laqgħa li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kellha mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius u uffiċjal mill-Awtorità tal-Ippjanar rigward il-liġi tad-Dominju Pubbliku, l-FKNK esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li xi NGO’s jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ minn din il-liġi billi b’xi mod jitfgħu dubji fuq l-iskop tagħha jew jinterpretawha ħazin.
Fi stqarrija l-FKNK qalet li kull indikazzjoni li kellha s’issa dwar din il-liġi kienet ċara, jiġifieri li d-drittijiet tas-sidien u ta’ min bi dritt jagħmel użu minn art privata, jibqgħu dawk li huma u ma jiġux mittiefsa. 
Żiedet tgħid li madankollu l-FKNK qed twassal l-informazzjoni korretta u fattwali dwar il-liġi tad-Dominju Pubbliku lill- membri tagħha.
Ħeġġet lil kull membru biex jibgħat oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar u lil dawk l-individwi b'titlu jew kuntratt fuq art f’xi waħda miż-żoni proposti, għandu jibghat l-oġġezzjoni tiegħu flimkien ma’ kopja tal-kuntratt u l-pjanta tal-art. 
Il-FKNK qalet li sadanittant se tieħu ħsieb li tibgħat oġġezzjoni ġenerali f’isem il-membri tagħha.
Ritratt: Arkivji