L-FKNK tgħid li l-firem fil-petizzjoni kontra l-kaċċa jridu jiġu vverifikati kollha

Fi stqarrija l-FKNK qalet li qed tispera li l-Kummissjoni Elettorali tivverifika d-dettalji u l-firem kollha li nġabru fil-petizzjoni biex isir referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
L-FKNK qalet li tinsab infurmata li l-Kummissjoni se tivverfika biss id-dettalji ta’ xi uħud u mhux il-firem kollha.
Il-Federazzjoni qed issostni li dan mhux il-każ filwaqt li l-istqarrija tisħaq li r-riżultat tar-referendum jista’ jħalli effett serju fuq il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom.
L-FKNK tistaqsi jekk l-individwi wara l-petizzjoni humiex qed jabbużaw minn proċess demokratiku għal skopijiet personali.
Il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi tgħid li xejn ma jżomm lil dawn l-individwi wara l-petizzjoni milli jabolixxu interessi legali ta’ minoranzi oħra.
Issostni li Malta bħala pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea tista’ tapplika bi dritt deroga għad-Direttiva tal-Għasafar.