L-FKNK tgħid li l-Birdlife qed tigdeb; “għasfur f’gaġġa jgħix iżjed”

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) qalet li l-Birdlife qed tigdeb dwar ċerti affarijiet, u għalhekk dehrilha li għandha tispjega dak li qed tlaqqmu bħala qerq mill-Birdlife.
L-FKNK qalet li l-kampanja tal-Birdlife kontra l-insib tinsab fl-aqwa tagħha, u din tal-aħħar qalet ħafna stqarrijiet li l-FKNK ma taqbilx magħhom.
Dawn huma tliet allegazzjonijiettal-Birdlife li l-FKNK ma taqbilx magħhom:

  1. “L-insib mhux permess f’siti ta’ Natura 2000”: l-FKNK irrimarkat li r-regoli ma jispeċifikawx li ma jistax isir insib, madankollu jagħfsu biex l-abitat ma jiġix iddisturbat. Fil-fatt l-FKNK qal li min japplika għal permess biex jonsob hawn ma jingħatalux jekk ma jiġix iċċekkjat qabel li l-art tista’ tinħadem.
  2. “L-għasafar imutu meta jinqabdu”: l-FKNK irribattiet billi qalet li studji juru li l-għasafar tal-għana f’gaġġa jgħixu tliet darbiet aktar minn dawk fis-selvaġġ, anki għax in-nassaba jieħdu ħsiebhom.
  3. “In-nassaba jisprejjaw il-kimika fuq l-art”: l-FKNK stiednet lill-pubbliku biex f’Marzu jżur l-inħawi fejn nasbu n-nassaba u jaraw li jekk ma jkunx hemm ħaxix u frott, l-inħawi jkunu xorta mimlija pjanti.

Il-federazzjoni ttemm tgħid li l-qafas tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-insib hu sensibbli u prattiku, u żiedet li tilqa’ kull sforz mill-awtoritajiet biex il-liġijiet jiġu infurzati.
Ilbieraħ il-Birdlife qalet li l-aħħar staġun tal-kaċċa kien l-agħar wieħed għall-illegalitajiet, u rrimarkat li bejn Jannar u Diċembru li għadda nġabru 82 għasfur mill-Birdlife u l-Pulizija.