L-FKNK teħles mat-350 gamiema fis-selvaġġ

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) reġgħet ħelset aktar minn 350 gamiema fis-selvaġġ. Dan ġie spjegat fi stqarrija mill-istess għaqda li spjegat li dawn kienu trabbew fil-magħluq minn diversi membri tal-FKNK. Dan sar waqt il-Game & Country Expo 2019.

L-FKNK organizzat dan l-avveniment għat-tielet sena. Il-proġett beda l-ewwel darba fl-2017 meta ġew rilaxxati aktar minn 400 gamiema fil-Ġonna tal-Buskett. Fl-2018 ir-rilaxx kien sar mir-range tal-isparar taż-Żebbuġ u kien jammonta għal 700 għasfur. Ġie spjegat li n-numru meħlus ta’ din is-sena kien ftit inqas minn dak tas-snin ta’ qabel, minħabba li l-FKNK kienet qassmet diversi għasafar lill-membri tagħha biex jintużaw għat-tgħammir.

Intant qed jiġi previst li aktar tard din is-sena l-FKNK se jkollha guva prinċipali tagħha fejn jitrabba l-gamiem u tieħu l-frieħ. L-għan ewlieni huwa li l-FKNK ikollha fil-pussess tagħha eluf ta’ għasafar li tista’ teħles. L-FKNK qalet li l-ammont rilaxxat jista’ jservi bħala miżura ta’ kumpens għall-gamiem li jistgħu jittieħdu mis-selvaġġ fil-gżejjer Maltin.