Aġġornata: Il-CABS tikkundanna atti vandali fuq duri ta’ kaċċaturi

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti Maltin (FKNK) qed jallegaw li l-infurzar tal-liġi mhuwiex ibbilanċjat, hekk kif jittieħdu passi kontrihom iżda mhux dejjem kontra illegalitajiet li jwettaq ħaddieħor.
L-FKNK semmiet fi stqarrija l-każ riċenti minn membri tal-Kumitat Kontra l-Moħqrija tal-Annimali (CABS) li bil-għajnuna tal-Pulizija u s-sezzjoni tar-Regolazzjoni tal-Għasafar Slavaġ (WBRU) dehru jħarrbu 25 gamiema fl-Għarb.
Il-fedarazzjoni saqsiet diversi mistoqsijiet, fosthom għaliex dawn tħarrbu, meta huwa legali li żżomm il-gamiem, jew jekk tal-CABS humiex se jeħlu multi wara li kellhom fil-pussess tagħhom dan il-gamiem, u dan wara li d-WBRU kienet bagħtet ittra lill-kaċċaturi kollha twissiehom li jekk jinabdu b’gamiema fil-pussess tagħhom jistgħu jeħlu sa €5,000.
Saqsiet ukoll biex jinġiebu provi li dan il-gamiem sparalu xi ħadd. Tajjeb jitfakkar li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal dis-sena kien infetaħ għas-summien biss.
Issemma wkoll l-allegat vandaliżmu li sar f’riżerva fil-miżieb, meta persuni mhux magħrufa għamlu ħsara estensiva fi proprjetà li mhix tagħhom.
Dawn il-persuni ħallew anki stikers imwaħħla bi kliem li jgħid hekk, “Hunt Saboteurs”, anki bis-sit tal-internet fejn wieħed jista’ jkun jaf min huma, www.huntsabs.org.uk
Temmet l-istqarrija tagħha billi qalet lill-membri kaċċaturi u nassaba tagħha sabiex ma jaqgħux għall-provokazzjoni ta’ dawn il-persuni, li ddeskriviethom kodardi u telliefa.
L-FKNK bagħtet ittra miftuħa b’din l-informazzjoni lid-WBRU, lill-Kummissarju tal-Pulizija, lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes, u lill-Ministru Carmelo Abela.
“Dak li sar fil-Miżieb żgur li mhuwiex mill-membri tagħna”
Sadanittant, fi stqarrija l-CABS ikkundannat l-atti vandali fuq dawn is-siti, u qalet li aġir simili jmur kontra dak kollu li qed taħdem għalih.
Saħqet li min wettaq dawn l-atti għandu jittieħed quddiem il-ġustizzja.