L-FKNK takkuża lil BirdLife bi “kruċjata minfuħa”

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ikkundannat l-għaġir ta’ “ftit” kaċċaturi iżda saħqet li lanqas “il-kruċjata minfuħa” tal-BirdLife ma hi ġustifikata.
Dan minkejja li fl-aħħar jiem, kien hemm 26-il rapport ta’ għasafar protetti li sfaw feruti minn tiri ta’ snieter.
Fi stqarrija l-FKNK saħqet li l-kastig kollettiv, li fi kliemha qed titlob għalih BirdLife. huwa illegali.
“Il-Kastig Kollettiv, fejn tiġi kkastigata l-maġġoranza ta' dawk innoċenti hija 'llegali, kif kienet illegali tali azzjoni fl-2007, fl-2014 u fl-2015, meta l-Gvern kien għalaq l-istaġun tal-kaċċa,” saħqet il-Federazzjoni.
Innutat il-fatt li minkejja li l-akkużi li saru, sa issa għadu ma nqabad ħadd u tressaq il-Qorti. 
L-FKNK qalet li BirdLife se tkompli tesaġera u toħloq ħrejjef li fi kliemha diġà waslu biex ġew temporanjament miċħuda, l-kaċċa tradizzjonali tal-gamiema fir-rebbiegħa.