L-FKNK iżżid mal-kollezzjoni ta’ artefatti fil-Mużew tagħha

S.M. Photography

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) rċiviet xi artefatti b’donazzjoni. Dawn se jitpoġġew għall-esebizzjoni fil-Mużew li l-FKNK għandha fir-Razzett tal-Bagħal ġewwa l-Buskett.

David Bonello għamel donazzjoni li tikkonsisti f’diversi affarijiet li kienu ta’ nannuħ Victor Bonello, li kien kaċċatur appassjonat. Fost id-donazzjoni hemm sidrija tal-kaċċa, ċinturin tal-kaċċa doppju, żraben tal-klieb. satal tal-ilma, pittura tal-mejjet Sonny Borg, u oħrajn. Il-kaċċatur veteran Aldo Azzopardi ukoll għamel donazzjoni lill-FKNK. Aldo, li għall-diversi snin kien jokkupa l-pożizzjonijiet uffiċjali fl-FKNK ta’ Segretarju Ġenerali u wara ta’ Viċi-President ippreżenta satli tal-ilma li kienu jintużaw mill-kaċċaturi biex jisqu l-klieb waqt il-kaċċa, u ritratti u kollezzjoni ta’ skrataċ in bjank li ntużaw tul is-snin waqt il-Festa ta’ San Ġiljan.

Nhar il-Ħadd 25 ta’ Awwissu 2019 kienet is-36 sena li sar dan is-salut waqt il-Festa ta’ San Ġiljan, li jkun sponsorjat mill-FKNK, inkluż it-tluq ta’ numru ta’ gamiem bħala parti mill-proġett relatat tal-FKNK. Din is-sena ħadu sehem numru rekord ta’ parteċipanti inkluż Aldo.

Fi stqarrija, l-FKNK ħadet l-okkażjoni biex irringrazzjat lil dawn il-persuni għad-donazzjonijiet tagħhom u ħeġġet biex isiru aktar donazjonijiet simili mill-kaċċaturi u n-nassaba. L-FKNK ilha tamministra dan ir-razzett mill-2015, biswit liema bini storiku l-FKNK għanda wkoll il-proġett tal-Barbaġann.