L-FKNK bi żjarat fl-iskejjel biex titkellem dwar l-irwoli tal-kaċċaturi u aktar

Bil-għan li jkun hemm aktar tagħrif dwar l-irwol tal-kaċċaturi u n-nassaba, il-Federazzjoni Kaċċaturu Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) se tkun qed tagħmel żjarat f’numru ta’ skejjet tul is-sena skolastika. Skont stqarrija maħruġa mill-FKNK stess, il-Federazzjoni se tkun qed tiddiskuti mal-istudenti dan is-suġġett versu l-konservazzjoni tal-ambjent naturali tal-kampanja Maltija.

L-ewwel żjara kienet fl-iskola Primarja ta’ Ħ’Attard, fejn it-tfal qed jattendu Skola Sajf. L-FKNK ingħaqdu f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u hemm ippjanat li għas-sena skolastika li ġejja se jsiru aktar minn dawn iż-żjarat.

Waqt l-ewwel żjara, it-tfal ingħataw informazzjoni dwar il-klieb tal-Kaċċa u tal-Fenek. Saret ukoll preżentazzjoni dwar il-Bies u r-rabta storika li għandu ma’ Malta.