L-FKNK b’petizzjoni fil-Parlament biex ma jsirx ir-referendum tal-kaċċa

Il-President tal-FKNK, Joe Perici Calascione ħabbar li l-Federazzjoni se jippreżentaw petizzjoni lid-Deputati Parlamentari sabiex tiġi emendata l-liġi dwar ir-referendum.
Huwa qal li din il-petizzjoni ġiet iffirmata minn ammont kbir ta’ persuni, għalkemm ma qalx kemm kienu dawk li ffirmaw il-petizzjoni.
Il-firem inġabru mill-FKNK fi żmien sitt xhur.
Calascione qal li se jkun is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon se jippreżenta l-petizzjoni fil-Parlament f’isem l-FKNK.
Sostna li l-FKNK tkellmet ukoll mal-Partit Nazzjonalista iżda ġie infurmat li nhar il-Erbgħa se ssir laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, li matulha se tiġi diskussa l-kaċċa.
L-FKNK bdiet din il-petizzjoni wara li l-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa ġabru biżżejjed firem biex isir referendum abrogattiv biex tieqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Fil-preżent il-firem miġbura mill-koalizzjoni ingħataw lill-Kummissjoni Elettorali.
Joe Perici Calascione saħaq li l-FKNK mhix kontra d-drittijiet demokratiċi iżda sostna li jekk id-Deputati Parlamentari ma jagħtux widen lit-talba tal-Federazzjoni se jintbagħat messaġġ li l-Parlament ma jridx jisma’ mill-eluf li ffirmaw il-petizzjoni.
Qal ukoll li l-infurzar li kien hawn matul l-aħħar staġun kien wieħed importanti li wassal biex fi kliemu ġew irrappurtati biss 10 każijiet illegali ta’ kaċċa.