“L-FIU Taljana mhix responsabbli għall-investigazzjonijiet li qed jingħad li qed isiru fuqi”

Ritratt: fb.com/JosephMuscat

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal fuq Facebook li l-Unità di Informazjone Finanziaria per l’ Italia (UIF) m’għandha l-ebda poter li tiftaħ investigazzjoni kriminali fuq tranżazzjonijiet ta’ persuni.

Hu qal dan permezz ta’ post fuq Facebook wara li lbieraħ ittella’ artiklu fuq Kenneth Rijock’s Financial Crime Blog fejn ingħad li l-Aġenzija Taljana għall-Ħasil tal-Flus fetħet investigazzjoni kriminali dwar attività finanzjarja mill-eks Prim Ministru Malti u sħabu. L-istess rapport jgħid li din l-attività kienet tinvolvi tranżazzjonijiet finanzjarji fl-Italja. Rijock jirrimarka “li ġurnalisti investigattivi f’Malta ilhom jissuspettaw li Muscat kellu relazzjoni mill-qrib mal-Mafja fi Sqallija”.

Madanakollu, ilbieraħ stess ma’ Newsbook.com.mt, Dr Muscat ċaħad ir-rapport u qal li “dan l-individwu li żgur m’għandu l-ebda rabta ma’ xi istituzzjoni li ‘jikkwota’ qiegħed mill-ġdid jirrikorri għall-fabrikazzjonijiet”. Insista li filwaqt li din hija invenzjoni, hu qatt ma’ kellu xi “attivitajiet finanzjarji” fl-Italja.

Hu kompla jikkummenta dwar dan illum permezz ta’ post fuq Facebook. Hu rrefera għal Rijock bħala ta’ oriġini dubjuża u li tilef diversi libelli matul is-snin għax kien “jivvinta”. Qal li hu kien se jirraġixxi b’mod adegwat, fiż-żmien opportuni u bil-modi leġittimi li jagħżel hu.

Qal iżda li hemm informazzjoni li jista’ jaqsam minn issa. Sostna li dan m’għandux x’jaqsam mal-fatt li hu qatt ma kellu kontijiet jew tranżazzjonijiet finanzjarji fl-ebda pajjiż ħlief f’Malta. Insista li dan huwa pprovat fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu li hija disponibbli pubblikament. Kompla billi fakkar li hu kien l-unika politiku Malti li poġġa lilu nniffsu taħt inkjesta maġisterjali li kellha aċċess għal databases internazzjonali u awtoritaijiet ġudizzjarji. Qal li din l-inkjesta kienet ikkonfermat dak kollu li qed jgħid.

Kompla jgħid li dan lanqas m’għandu x’jaqsam “mal-fatt li l-ebda awtorità msemmija minn dan l-individwu ma toħlom li taqsam din it-tip ta’ informazzjoni ma’ terzi parti, aħseb u ara ma’ raġel akkużat b’ħasil tal-flus u magħruf li kien ħati li ivvinta fantażiji fuq persuni oħrajn.” Kompla jgħid li hu u jikkrea l-fantażiji tiegħu, Rijock falla milli jġib il-fatti bażiċi korretti.

Muscat sostna li l-UIF hija unit amministrattiv fi ħdan il-Banca f’Italia (il-Bank Ċentrali Taljan). Qal li b’riċerka bażika wieħed jirrealizza li l-UIF ma tagħmilx dawn it-tip ta’ investigazzjonijiet għax dawn jaqgħu taħt entitajiet oħrajn. Sostna li filwaqt li din l-informazzjoni skorretta jaf tkun maħfura lil xi ħadd li forsi ma jifhimx fis-suġġett, iżda ma tistax tinħafer meta ġejja minn xi ħadd li jgħid li hu espert u li saħansitra qal li din l-informazzjoni ngħatatlu minn xi ħadd fi ħdan l-istess awtorità.

“Biex nagħmilha ċara: dan ir-raġel li kien instab ħati ta’ kriminalità u frodist qed jgħid li awtorità qaltli li qed tagħmel xi ħaġa li din l-awtorità ma tagħmilx,” insista Muscat. Qal li jkun tajjeb li l-midja lokali, minflok tirriproduċi dak li qed jgħid dan “il-frodist” tieħu ż-żmien tagħha biex tivverifika b’mod indipendenti dawn l-allegazzjonijiet li issa anke qed jinkludu li hu għen lil xi terroristi.

Over the past couple of weeks, a disgraced former lawyer, whose claim to fame is having been at the service of the mob,…

Posted by Joseph Muscat on Friday, September 25, 2020