L-FIAU tippenalizza lil-Lombard Bank talli kiser l-obbligi tiegħu fuq ħasil tal-flus

Read in English.

Il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) infurmat lil-Lombard Bank Malta li impustat piena amministrattiva fuqu għal dak li hi qed tikkunsidra ksur f’ċerti obbligi fir-rigward ta’ kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra t-terroriżmu finanzjarju.

Dan ħareġ waqt spezzjoni tal-FIAU li saret f’Settembru u Ottubru tal-2019. Stqarrija tal-Lombard Bank tgħid li l-konklużjonijiet kienu ta’ natura amministrattiva u ma kienx hemm suspetti jew evidenza ta’ ħasil tal-flus. Il-Bank se jappella din id-deċiżjoni.

Il-bank assigura lill-partijiet interessati kollha li hu se jibqa’ impenjat li jippreveni l-użu tas-servizzi tiegħu għal kull tip ta’ attività illeċita. Għalhekk, il-bank stqarr li hu ma jidħolx f’relazzjonijiet ta’ negozju ma’ dawk involuti f’setturi li huma kkunsidrati li jġorru riskji inerenti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ terroriżmu ffinanzjat, filwaqt li hu jkompli jsaħħaħ id-difiżi tiegħu f’dan ir-rigward.

L-istqarrija tal-Lombard Bank tissokta tgħid li, “L-investiment f’riżorsi tekniċi kif ukoll umani sabiex ikompli jnaqqas l-potenzjal għal reati finanzjarji jkompli bla heda.” Il-bank temm jgħid li hu m’għandux tolleranza għal dak li jista’ jwassal għall-iċken ħjiel ta’
kondotta mhux xierqa u jibqa’ jiddependi fuq l-integrità, il-professjonaliżmu u d-dedikazzjoni tal-impjegati tiegħu.