L-FIAU tikkonferma li tagħmel biss rapport lill-Kummissarju meta jkollha suspett raġonevoli f’xi ħadd

L-aġenzija tal-Gvern Malti li tiġġieled kontra l-ħasil ta’ flus, il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), qalet fi stqarrija li l-aġenzija tibgħat rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija f’dawk il-każi biss fejn ikun hemm suspett raġonevoli li sar ħasil ta’ flus.
Din l-istqarrija ħarġet jumejn biss wara li fil-faċċata tal-gazzetta Times of Malta ġie rrappurtat li l-FIAU kienet bagħtet rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija li fih irrakkomandat aktar investigazzjonijiet dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Il-gazzetta Times of Malta irrappurtat ukoll li  l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar irriżenja jum wara li l-FIAU għamlet din ir-rakkomandazzjoni.
"Jekk ikun hemm bażi raġonevli għal suspett ngħaddu r-rapport lill-Pulizija" – FIAU
Fl-istqarrija maħruġa llum, l-FIAU qalet li hi tirċievi rapporti dwar tranżazzjonijiet, fejn ikun qam suspett li qed isir ħasil ta’ flus, finanzjar ta’ terroriżmu jew li jkun hemm proprjetà li tkun ġejja minn attività kriminali.
L-FIAU żiedet tgħid li jekk wara li tanalizza l-informazzjoni li tirċievi tħoss li jkun hemm bażi raġonevoli  għal suspett ta’ wieħed minn dawn ir-reati, tgħaddi r-rapport tal-analiżi tagħha lill-Pulizija għal aktar investigazzjoni.
L-FIAU tgħid li m'għandhiex il-poteri tal-Pulizija
Qalet ukoll li m’għandhiex il-funzjonijiet jew il-poteri tal-Pulizija, bħalma huma l-poter li tarresta jew li twettaq investigazzjonijiet kriminali. Sostniet li lanqas ma għandha l-poter jew il-funzjoni li tagħmilha ta’ prosekutur f’ kawżi kriminali.
Newsbook.com.mt jitkellem ma' espert fil-qasam
Espert fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li tkellem ma’ Newsbook.com.mt bil-kundizzjoni li ma jissemmiex ismu, qal li minn din l-istqarrija tal-FIAU, huwa loġiku li tikkonkludi li jekk intbagħat ir-rapport kif imsemmi mit-Times of Malta, allura l-FIAU tqis li kellha bażi raġonevoli biex tissuspetta l-aġir ta’ Keith Schembri.
L-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal ma’ The Times of Malta, li hu ma jistax jerfa’ r-responsabbiltà jekk il-Pulizija naqset milli tinvestiga dak li sabet l-FIAU. Spjega li l-għada li waslilhom ir-rapport, hu ma baqax jagħmel parti mill-Korp tal-Pulizija. Wara Michael Cassar inħatar il-Kummissarju preżenti, Laurence Cutajar.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt f’Jannar li għadda, il-Korp tal-Pulizija qal li ma jistax jiddiskuti jew jagħti informazzjoni “dwar possibbli investigazzjonijiet relatati mar-rapport maħruġ mill-FIAU”.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ħamis qal li hu sorpriż ħafna li hemm min ikun jaf x'qed tagħmel l-FIAU, meta hu bħala Prim Ministru m'għandux dritt li jkun jaf x'qed tagħmel u lanqas jara r-rapporti tagħha.  Huwa allega li kliem il-Kummissarju ġie mdawwar, allegazzjoni li ġiet miċħuda bil-qawwa mill-gazzetta Times of Malta.