L-FIAU qed tinvestigah lil Schembri?

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Għadd ta’ kumpaniji li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) ma talbithomx jgħaddulha kull arranġament jew ftehim li għamlu mal-kumpaniji ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru. Dan jista’ jfisser li l-Aġenzija mhix qed tinvestiga l-kumpaniji tiegħu. Osservaturi qalu li ma jafux għaliex l-FIAU qed tkaxkar saqajha, jew jekk tridx tinvestiga lil Schembri.

Minn dak li qalu lil Newsbook.com.mt jidher li ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni f’dan ir-rigward, għalkemm mhux eskluż li l-imejls jew ittri ma ntbagħtux lil kulħadd.

Madanakollu dan jikkontradixxi l-azzjoni li ħadet dwar Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-għada li ġie arrestat Fenech, Newsbook.com.mt żvela li dawk li joffru servizzi finanzjarji rċevew imejl mill-FIAU bil-lista ta’ madwar 60 kumpanija li huma tiegħu jew li hu involut fihom. L-aġenti tas-servizzi finanzjarji ngħataw data sa meta għandhom jissupplixxu l-informazzjoni li kellhom. It-talba tal-FIAU saret b’rabta mal-investigazzjoni tagħha kontra l-ħasil tal-flus.

L-FIAU marbuta b’kunfidenzjalità

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk l-FIAU hix qed tinvestiga l-kumpaniji ta’ Keith Schembri bħalma għamlet dwar dawk ta’ Yorgen Fenech, l-Aġenzija wieġbet biss li ma tistax tagħti risposta għal dak li qed nistaqsu, għax “l-FIAU hi marbuta b’kunfidenzjalità assoluta mil-liġi u ma tista’ tagħti l-ebda informazzjoni dwar l-operat tagħha”.

Keith Schembri rriżenja imma…

Barra minn hekk, għalkemm irriżenja mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fir-Reġistru tal-Kumpaniji għadu jidher bħala Direttur f’isem il-Gvern, ta’ tliet kumpaniji fi Smart City: SmartCity (Malta) Limited, SmartCity Malta (Infrastructure) Limited u SCM Facilities Management Company Limited.

Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff nhar it-Tlieta 26 ta’ Novembru wara li ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija. Huwa nħeles jumejn wara, bil-Pulizija tgħid li “f’dan l-istadju” ma tħossx il-ħtieġa li Schembri jinżamm aktar taħt arrest.  

Il-kumpaniji ta’ Keith Schembri kienu ġew ippreżentati viżwalment mill-Konsorzju tal-Ġurnalisti Investigattivi meta ħarġu l-Paradise Papers.

L-awdituri tal-kumpanija fil-grupp Kasco huma Nexia BT, li huma fost l-aġenti tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment.