Aġġornata (4): L-FIAU kienet talbet lill-Pulizija tinvestiga lil Keith Schembri; Il-PM iwieġeb

L-eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar irriżenja jum wara li l-Financial Intelligence Analysis Unit, l-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus, irrakkommandat aktar investigazzjonijiet dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Dan ġie rrappurtat illum mill-ġurnal The Times of Malta, li jgħid ukoll li r-rapport għadda għand il-Pulizija ftit qabel ir-reshuffle tal-Kabinett f’April 2016, meta l-Ministru Konrad Mizzi sar Ministru Bla Portafoll.
Ir-reshuffle saret hekk kif fil-Panama Papers tfaċċaw l-ismijiet tal-Ministru Mizzi u dak ta’ Keith Schembri, li rriżulta li kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.
L-eks-Kummissarju tal-Pulizija qal ma’ The Times, li hu ma jistax jerfa’ r-responsabbiltà jekk il-Pulizija naqset milli jinvestigaw dak li sabet l-FIAU. Spjega li l-għada li waslilhom ir-rapport, hu ma baqax jagħmel parti mill-Korp tal-Pulizija. Wara Michael Cassar inħatar il-Kummissarju preżenti, Laurence Cutajar.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt f’Jannar li għadda, il-Korp tal-Pulizija qal li ma jistax jiddiskuti jew jagħti informazzjoni “dwar possibbli investigazzjonijiet relatati mar-rapport maħruġ mill-FIAU”.
Żied jgħid li m’għandux ikun hemm dubju li l-Korp tal-Pulizija jinvestiga bi sħiħ kwalunkwe rapporti li jitressqu għall-attenzjoni tagħha, ikunu dwar xiex ikunu.   It-tweġiba mill-Korp tkompli tgħid li dan isir mingħajr l-ebda biża’ jew preferenzi. 
Nhar it-Tlieta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li għandu l-provi dwar allegata korruzzjoni u tixħim mill-bejgħ taċ-ċittadinanza, miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Dalgħodu, Busuttil se jidher quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja biex jippreżenta dawk li sejjaħ “il-provi tal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista”.
Ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu lejn Schembri u qal li jemmen il-verżjoni tiegħu u mhux tal-Kap tal-Oppożizzjoni. 
"Sopriż li hemm min ikun jaf x'qed tagħmel l-FIAU" –  PM
Dwar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu sorpriż ħafna li hemm min ikun jaf x'qed tagħmel l-FIAU, meta hu bħala Prim Ministru m'għandux dritt li jkun jaf x'qed tagħmel u lanqas jara r-rapporti tagħha. 
"Kliem l-Eks-Kummissarju ġie mdawwar" – PM
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li jemmen li kliem l-Eks-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar ġie mdawwar mhux ħażin. Esprima fiduċja sħiħa f'Cassar u fl-Avukat Ġenerali li jmexxi l-FIAU. 
"Mhux se nirriżenja" – PM
Il-Prim Ministru xejjen ukoll l-għajdut li se jirriżenja minħabba li għaddejja l-inkjesta maġisterjali.
Irrefera għall-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u ta' martu. Saħaq li hu se jibqa' jikkumbatti biex inaddaf ismu, isem martu u ta' familtu. 
Joseph Muscat qal ukoll li qed issir ħafna ħsara lill-pajjiż. 
"Muscat jattakka lill-whistleblowers" – PN
Il-Partit Nazzjonalista wieġeb li filwaqt li Muscat jattakka lill-whistleblowers, Simon Busuttil jassigurahom protezzjoni, anke b’ħajtu.
Fi stqarrija, il-PN stqarr li Joseph Muscat infexx f’attakk aħrax kontra min qed jikxef il-korruzzjoni taċ-Chief of Staff tiegħu, f’attentat iddisprat li jwaqqaf il-leaks kbar li għandu fil-Gvern tiegħu
"Keith Schembri japplika bħala voluntier mal-PN" – PN
Fi stqarrija oħra, il-Partit Nazzjonalista qal li minflok mar iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u jispjega għemilu, għażel li juża ħinu biex jidħol fuq is-sit tal-PN u japplika bħala volontier.   Żied jgħid li Keith Schembri tefa’ post b’kopja ta’ imejl awtomatika li tinħareġ lil kull min japplika biex ikun voluntier tal-PN.