L-FIAU bla kliem wara kritika ħarxa tal-EBA

L-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) jidher li tinsab bla kliem wara l-kritika ħarxa tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). L-Erbgħa fl-9.45pm, l-FIAU ppubblikat dak li osservaturi tas-settur iddeskrivew ma’ Newsbook.com.mt bħala “risposta fjakka” u wiegħdu aktar fiż-żmien li ġej. Madanakollu, wara 40 siegħa mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-EBA, l-FIAU baqgħet ma skoprietx meta hu l-waqt.

L-għassies tal-Unjoni Ewropea kkonkluda l-investigazzjonijiet tiegħu fix-xogħol tal-FIAU billi qal li l-aġenzija Maltija kisret dak li hu rikjest mid-direttiva fuq il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar terroristiku.

Qal ukoll li l-FIAU naqset milli tagħmel superviżjoni effettiva fuq il-Bank Pilatus minħabba numru ta’ fallimenti, inkluż nuqqasijiet proċedurali u nuqqas ta’ azzjonijiet superviżorji mill-FIAU wara d-deċiżjoni li tagħlaq il-każ mingħajr ma timponi sanzjonijiet fuq il-bank.

Kien fi Frar li għadda li l-MEPs talbu lill-EBA sabiex tiftaħ inkjesta preliminari fuq potenzjal ta’ ksur ta’ liġi Ewropea mill-awtoritajiet Maltin fil-każ tal-Bank Pilatus.

Tard l-Erbgħa filgħaxija, l-FIAU qalet li kienet diżappuntata bil-konklużjoni tal-EBA u li kellha dubji serji dwar il-proċess li ntuża sabiex issir l-inkjesta preliminarja u l-investigazzjoni ta’ warajha.

Minkejja li l-FIAU, li l-Bord tal-Governanti tagħha huwa mmexxi mill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech qalet li se titkellem aktar fiż-żmien li ġej, s’issa għadha ma qalet xejn aktar.