L-FES tiċħad li hemm nuqqas ta’ playworkers fi Skolasajf

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi l-FES ċaħdet xi rapporti li dehru fil-midja dwar allegat nuqqas ta’ reklutaġġ ta’ playworkers fl-iskejjel li qed joffru s-servizz ta’ Skolasajf. L-FES ċaħdet ukoll li hemm xi iffullar ta’ studenti fil-klassijiet ta’ Skolasajf.

Din ir-reazzjoni waslet wara li l-Unjin għall-Edukaturi Professjonali esprimiet it-tħassib tagħha dwar dik li ddeskriviet bħala l-paga “miżera” li jieħdu l-għalliema fi Skolasajf ta’ €5.91 fis-siegħa. Qalet ukoll li dan wassal biex applikaw ftit għalliema, u ħafna mill-klassijiet qed ikollhom għadd ikbar ta’ studenti minħabba n-nuqqas tal-għalliema.

Għal Skolasajf ta’ din is-sena, il-Ministeru qal li applikaw mat-12,000 tifel u tifla u li l-applikazzjonijiet kollha li daħlu ġew milqugħa.

Ix-xahar li għadda, Newsbook.com.mt kien ukoll irrapporta dwar omm li qalet li kellha tieqaf mix-xogħol għax fl-iskola sajf tal-Fgura ma kienx hemm LSE għaż-żewġ uliedha.

Dwar dan, fit-tweġibiet lil ta lil Newsbook.com.mt, il-Ministeru tal-Edukazzjoni kien sostna li mhux minnu li tfal bi bżonnijiet speċjali ma jistgħux imorru Skolasajf bħal tfal oħra.