L-eżempji dwar is-saltna tad-dritt mhux se neħduhom mill-Oppożizzjoni – Parnis

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis sostna fil-Parlament li l-eżempji dwar is-Saltna tad-Dritt il-Gvern mhux se jkun qed joħodhom mill-Oppożizzjoni. Hu qal dan fl-aġġornament tiegħu fil-Parlament ilbieraħ waranofsinhar.

Fid-diskors, Parnis qal li ried iwassal messaġġ għax sema’ numru ta’ kelliema li “donnhom saru difensuri tad-demokrazija”. Qal li n-nies hemm barra qed jisimgħu kliem li qed iqanqal dubju fihom.

Parnis qal li l-kliem “rule of law” (saltna tad-dritt) instemgħu ħafna speċjalment ħerġin min-naħa tal-Oppożizzjoni. Sostna li minħabba l-frekwenza tal-użu ta’ dan il-kliem, in-nies hemm barra bdiet taħseb li vera qed jiddefendi. Qal li meta ġew għall-fatti, “din ir-rule of law ma swiet xejn fil-kamp tal-Partit Nazzjonalista.”

Hu spjega li mhux se jidħol fil-kontroversja tal-Kap tal-PN u l-firda li hemm fl-Oppożizzjoni. Qal li issa kulħadd ħass il-firda fl-Oppożizzjoni u qal li dan ma jawgurax tajjeb għall-pajjiż. Spjega li kulħadd kapaċi jagħmel l-analiżi tiegħu, u meta hu jara li l-Oppożizzjoni lanqas taħfirha lill-istess nies li huma fil-kamp Nazzjonalista jibda jgħid, “aħseb u ara xi jkunu lesti li jagħmlu dawn in-nies lil dawk tal-moviment Laburista.”

Hu rrimarka li d-demokrazija ma titlobx li lil sieħbek fuq l-istess bank tara tkissru u tfarrku.

“Ara ma taħsbux li dawn in-nies ta’ faċċata tagħna huma xi nies verġni jew ituna l-eżempju ta’ kif immexxu l-pajjiż,” qal Parnis. Sostna li dawn insew kif fl-aħħar ħames snin tal-PN fil-Gvern kien hemm firda wkoll fil-partit.

Insista li filwaqt li Abela qed jaħdem biex jgħaqqad lill-pajjiż, il-PN għandu problema waħda li ma jiflaħx jara l-Partit Laburista fil-Gvern.

“Għamilna żbalji, imma konnha kapaċi li nikkoreġuhom u nirranġawhom u ma nagħmlux żbalji aktar,” qal Parnis. Kompla jgħid, “minkejja li kienu jgħajjruna u jikkalpestawna aħna bqajna leali, bqajna naħdmu u bqajna nagħtu r-riżultati.”

“Jien mhux se niddefendi l-ebda kap tal-Partit Nazzjonalista,” qal Parnis. Sostna li n-nies ma jridux din il-mibgħeda. Qal li ma jistax ikun li l-pajjiż jibqa’ jaqbad fuq persuna u jara kif ikissru u jfarrku. “Aħna nemmnu f’politika tad-djalogu, li l-bibien tagħna huma miftuħin għal kulħadd u rridu naħdmu ma’ kulħadd,” qal Parnis.

Hu temm id-diskors b’appell lill-Oppożizzjoni sabiex jingħaqdu bejniethom.