L-Eżekuttiv tal-PN se jiltaqa’ t-Tlieta

Mhux se jkun hemm diskussjoni dwar Delia

Partit Nazzjonalista

Read in English.

Id-diskussjoni interna fl-ogħla organi tal-Partit Nazzjonalista mistennija tkompli nhar it-Tlieta li ġej hekk kif il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Alex Perici Calascione se jlaqqa’ lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv nhar it-Tlieta fis-6pm. Il-laqgħa se ssir biex primarjament jibda l-proċess ta’ ħatra ta’ tim ġdid ta’ tmexxija kif rakkomandat minn Louis Galea.

Newsbook.com.mt qed jippubblika l-aġenda tal-laqgħa tal-eżekuttiv li fiha mhux previst li ssir diskussjoni dwar Adrian Delia u t-tmexxija tiegħu.

Aġenda kif ikkomunikata mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione.

Dan wara li għadd ta’ persuni fit-tmexxija ssottomettew ir-riżenji tagħhom u għaldaqstant. Skont l-Istatut tal-Partit irid ikun l-Eżekuttiv li jaħtar uħud mill-ogħla karigi tat-tmexxija fosthom dik ta’ Segretarju Ġenerali, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv, il-President tal-Kunsill Amministrattiv, it-Teżorier u anki s-Segretarju Internazzjonali.

Il-karigi ta’ Viċi Kapijiet tal-PN jimtlew b’elezzjoni minn fost it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, bl-istess mod kif jiġi elett il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-laqgħa ssejħet b’talba mingħand Louis Galea li kkomunika direttament mal-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione. Dan sar magħruf mill-ittra li Louis Galea bagħat lill-Kap Nazzjonalista aktar kmieni din il-ġimgħa u li ntbagħtet ukoll lill-midja.

Dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa determinat li jaħdem iktar u qal li t-tsunami kontrih ġie u huwa għadu hemm. Huwa qal dan b’sens ta’ rieda li jibqa’ jmexxi lill-Partit Nazzjonalista minkejja li ammetta li hemm 17-il Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li talbuh jirriżenja.