L-Eżekuttiv tal-PN se jibda jiddiskuti r-riformi

Read in English.

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ għall-ewwel darba wara li ġie maħtur Francis Zammit Dimech bħala Segretarju Ġenerali. Matul din il-laqgħa l-eżekuttiv iddiskuta r-riforma u t-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li matul din il-laqgħa kien hemm preżenti l-presidenti, is-segretarji u t-teżoriera tal-Kumitati Lokali tal-partit f’Malta.

Francis Zammit Dimech ta’ d-dettalji dwar r-riforma u t-tiġdid tal-PN. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nkariga lil Louis Galea biex jieħu ħsieb ir-riforma tal-Partit. Zammit Dimech qal li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed isiru ħames assemblej tal-kunsillieri. F’dawn l-assembleji l-kunsilliera se jkollhom l-opportunità jiddiskutu l-proposta qabel dawn jgħaddu għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali.  

Zammit Dimech irringrazzja lil Clyde Puli għall-ħidma tiegħu fil-Partit matul iż-żminijiet diffiċli li għaddej minnhom. Żied li minkejja dawn iż-żminijiet tista’ tkun opportunità sabiex ikun hemm Oppożizzjoni b’saħħitha.

“Il-partit qed isejjaħ lil kull partitarju, lil kull membru, lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex flimkien nagħtu lill-pajjiż għodda denja li tkun ta’ fejda għall-poplu tagħna,” kompla Zammit Dimech.

Il-Ġimgħa Francis Zammit Dimech iltaqa’ wkoll mal-għaqda mhux governattiva Repubblika biex jiddiskuti l-kostituzzjoni u r-riformi istituzzjonali.