L-Eżekuttiv tal-PN ma vvutax b’mod sigriet dwar il-co-option ta’ Delia fil-Parlament

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ma vvutax b’mod sigriet dwar il-co-option tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament.
Membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN huma rrabjati ħafna wara li fil-laqgħa tal-bieraħ filgħaxija ma ttiħidx vot sigriet, kif soltu jsir, biex is-siġġu Parlamentari mirbuħ minn Peter Micallef, ikun jista’ jmur għand il-Kap il-ġdid Adrian Delia.
Fi stqarrija maħruġa tard ilbieraħ filgħaxija, il-PN qal li l-Kumitat Eżekuttiv kien ivvota b’mod unanimu favur din il-co-option.
Iżda membri tal-Eżekuttiv qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-eks Viċi Prim Ministru u Kummissarju Ewropew Tonio Borg, li huwa wieħed mill-konsulenti ewlenin ta’ Delia, qam jargumenta li minflok jittieħed vot sigriet, is-siġġu għandu jingħata lil Delia b’akklamazzjoni biss.
Dan qajjem diskussjoni mqanqla ħafna, bil-Whip David Agius, id-Deputat Clyde Puli u l-eks Deputat Jean Pierre Debono jkunu fost l-aktar voċiferi biex isir kif propost minn Tonio Borg.
Sorsi midħla tal-Kumitat Eżekuttiv qalu ma’ Newsbook.com.mt li kull meta kien hemm mozzjoni ta’ co-option fil-passat dejjem ittieħed vot sigriet dwarha u li din ma kelliex tkun eċċezzjoni.
Finalment ittieħed vot billi l-membri tal-Eżekuttiv intalbu jgħollu jdejhom biex juru jekk humiex favur li Delia jkun co-opted minflok Micallef. Minkejja li l-vot ma kienx sigriet, Newsbook.com.mt huwa nfurmat li kuntrarjament għal dak li ntqal fl-istqarrija tal-PN, kien hemm numru ta’ membri tal-Eżekuttiv li m’għollewx idejhom.
Intant fil-bidu tas-Seduta Parlamentari tal-lejla Adrian Delia mistenni jieħu l-ġurament ta’ Deputat Parlamentari, waqt li nhar il-Ġimgħa se jkun qed jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.