L-Eżekuttiv tal-PN jitlaqqa’ t-Tlieta biex jiddiskuti l-Kunsill Ġenerali

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonlista se jkun qed jiltaqa’ nhar it-Tlieta li ġej biex ikompli jiddiskuti l-Kunsill Ġenerali msejjaħ mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fis-27 ta’ Lulju li ġej.

Dan tħabbar fi stqarrija fejn il-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione qal li sejjaħ din il-laqgħa wara numru ta’ laqgħat mas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il- President tal-Kummissjoni Elettorali Francis Zammit Dimech u ma’ Mark Anthony Sammut ir-rappreżentant tal-petizzjoni li qed jistaqsu jekk Adrian Delia għandux jibqa’ fit-tmexxija tal-PN.

Ġie spjegat li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv diġà nħatret Kummissjoni Elettorali magħmula minn seba’ membri u mmexxija minn Francis Zammit Dimech bħala chairperson indipendenti li kien maqbul b’mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv. Il-membri l-oħra huma żewġ membri tal-Elcom, li jmexxu l-elezzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, u żewġ membri għal kull naħa magħżula miz-żewġ gruppi ta’ petizzjonisti nfushom.

Fl-istqarrija ġie spjegat li mill-mument li ssejjaħ il-Kunsill Ġenerali u nħatret il-Kummissjoni elettorali, il-listi u l-obbligu tal-verifikazzjoni għaddew għand il-Kummissjoni u l-ebda individwu u uffiċjal ma jista’ jibdilhom u l-proċess ta’ verifikazzjoni diġà beda jimxi.

84 firma fil-petizzjoni ma kinux validi

Fl-istqarrija ġie spjegat li wara verifikazzjoni, l-petizzjoni li kienet qed titlob lil Adrian Delia jġorr ir-responsabbiltà kellha 84 minn 200 firma li jew ma kinux validi, jew ma kinux aġġornati. Intant il-partit qal li mill-verifika tat-tieni petizzjoni li talbet biex ikun rispettat il-vot tat-tesserati li għażlu lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN irriżulta li minn 536 firma, 429 kienu validi u aġġornati.

Intant, il-Kunsill Ġenerali jista’ jitlaqqa’ jew mill-Kap tal-Partit jew mill-Eżekuttiv tal-Partit, jew b’talba ta’ 150 membru tal-Kunsill Ġenerali. Delia se jkun qed jistaqsi lill-Kunsillieri d-domanda dwar jekk jaqblux li hu għandu jibqa’ jmexxi l-partit sal-elezzjoni li jmiss.