L-Eżekuttiv tal-PN japprova l-manifest elettorali

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva l-manifest elettorali tal-partit għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju.

Fost il-proposti tiegħu, il-PN qal li se jaħdem biex jipproteġi d-dritt tal-ħajja, kundizzjonijiet aħjar fuq ix-xogħol, u li jibgħat persuni mhux eliġibbli għal protezzjoni lura lejn il-pajjiż tagħhom.

Id-dokument sħiħ għandu 28 paġna u fih aktar minn 40 proposta. Dan tqassam lil aktar minn 1,000 kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali tal-PN. Wara li s-sit tal-Partit Laburista ONE News ippubblika artiklu li qal li akwista kopja tal-manifest “24 siegħa qabel ma jiġi mniedi mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia”, il-PN qal fi stqarrija li d-dokument kien “ilu sigħat qabel tħabbar mill-ONE jiġi mxerred fil-pubbliku.”

Il-manifest huwa maqsum f’sitt taqsimiet prinċipali:

  1. Soċjetà li jimpurtaha
  2. Xogħol aħjar, pagi diċenti, u edukazzjoni ta’ kwalità
  3. Is-saħħa għal kulħadd
  4. Ambjent san għal kwalità ta’ ħajja aħjar
  5. Sigurtà nazzjonali u immigrazzjoni
  6. Demokrazija, governanza tajba, u drittijiet tal-bniedem

Fost il-proposti li elenka, il-PN semma li:

  • Ikunu ġusti ma’ dawk li jixirqilhom protezzjoni u jibgħatu lura dawk mhux eliġibbli għall-protezzjoni
  • Id-dritt tal-ħajja ta’ kull persuna mill-konċepiment sal-mewt, jibqa’ jiġi rispettat u protett mingħajr xkiel
  • Jiġu eliminati l-inġustizzji u l-anomaliji fil-pensjonijiet biex kulħadd ikollu pensjoni adegwata
  • Iwaqqfu l-waqgħa ‘l isfel fil-kejl internazzjonali fl-ugwaljanza tal-mara, biex il-mara ssib postha f’kull livell tas-soċjetà
  • Tissaħħaħ id-demokrazija f’Malta b’istituzzjonijiet indipendenti
  • Jappoġġjaw il-libertà tal-midja u liġijiet kontra l-iSLAPP
  • Jaħdmu għal aktar kundizzjonijiet tajbin fil-postijiet tax-xogħol, inkluż l-ambjent u s-saħħa tal-ħaddiema
  • Iż-żgħażagħ jibbenefikaw aktar mill-programm Erasmus
  • Il-pazjenti madwar l-Unjoni Ewropea (UE) jkollhom aċċess għal kura affordabbli, ta’ kwalità u f’qasir żmien, mingħajr diskriminazzjoni
  • Tingħata attenzjoni speċjali biex titjieb u tissaħħaħ il-politika tal-immaniġġjar tal-iskart u ta’ riċiklaġġ
  • Jagħtu l-appoġġ tagħhom biex jiżdiedu l-programmi għal aktar tħawwil ta’ siġar
  • Jiżguraw is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE. Jiżdiedu 10,000 gwardji tal-fruntiera
  • Ikunu ġusti ma’ dawk li jixirqilhom protezzjoni u jibgħatu lura dawk mhux eliġibbli għall-protezzjoni
  • Allokazzjoni ta’ aktar fondi għall-proġetti mmirati fil-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti
  • Ġlieda kontra l-fake news

Tista’ tniżżel kopja tal-manifest minn hawn:

Aktar dettalji dalwaqt