L-eżekuttiv tal-PD se jirreżenja; m’għandix ħsieb li nerġa’ nsir kap – Farrugia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li l-eżekuttiv tal-PD se jkun qed jirreżenja minħabba r-riżultat li nkiseb fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Farrugia qal ukoll li mhux beħsiebu jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ kap tal-partit.

Ma’ Newsbook.com.mt Farrugia qal li jemmen li l-partit mar “tajjeb” f’dawn l-elezzjonijiet. Spjega li ma kienx kompletament suċċess imma li l-PD żied l-ammont ta’ voti li rċieva u li ma kienx hemm tnaqqis.

Fi kliem Farrugia, se jkun hemm kumitat li janalizza s-sitwazzjoni wara l-elezzjoni tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali biex imbagħad il-partit jara x’triq għandu bżonn jaqbad.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk għandux ħsieb li jerġa’ jikkontesta elezzjoni interna biex isir kap, Farrugia qal li din mhix l-intenzjoni tiegħu. Żied jgħid li se jkompli jaqdi d-dmirijiet tiegħu sakemm il-PD ikollu eżekuttiv ġdid.