“L-Eżekuttiv ivvota kontra li xtaq Delia” – membri Eżekuttiv PN

Read in English.

Membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, b’reazzjoni għall-kummenti li Adrian Delia ta lill-midja wara l-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-bieraħ, qalu li “fil-fatt il-membri tal-Eżekuttiv ivvutaw b’maġġoranza kbira ħafna kontra dak li xtaq li jsir Delia”.

L-istess membri qalu li fl-Eżekuttiv kien hemm diskussjoni kalma u matura u qiesu l-laqgħa bħala waħda pożittiva u mmexxija tajjeb ħafna mill-President Alex Perici Calascione.

Quddiem il-laqgħa kien hemm diversi riżenji fosthom tal-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u tal-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono. Minn dawn l-għażla tas-Segretarju Ġenerali biss tista’ ssir mill-Eżekuttiv. Il-ħatra li minnha rriżenjat Debono tista’ ssir biss mill-Kunsill Ġenerali u l-ħatra tal-Viċi Kap issir mit-tesserati.

Delia appella biex ma ssirx għażla

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li fl-Eżekuttiv kien hemm ħafna membri li nsistew li jinħatar Segretarju Ġenerali f’dik il-laqgħa stess.

Il-Kap tal-Partit Adrian Delia, beda jagħmel l-appelli ħerqana biex l-għażla tas-Segretarju Ġenerali ma ssirx fl-istess laqgħa. Huwa qal li kellu jingħata ċans jipperswadi lil dawk li rriżenjaw biex jissospendu r-riżenja.

“Sas-Sibt li ġej mhu se jiġri xejn”, beda jgħid waqt li jinsisti li ma ssirx ħatra dak il-ħin.

Diversi membri baqgħu jinsistu illi l-Eżekuttiv kellu jagħti sinjal, anke jekk żgħir, li bdew isiru bidliet. Huma riedu li fl-istess laqgħa jinħatar Segretarju Ġenerali Interim.

Skont l-istess sorsi, meta ttieħed il-vot deher ċar li l-maġġoranza assoluta kienu kontra dak li beda jgħid il-Kap tal-Partit u vvutaw biex Francis Zammit Dimech jinħatar Segretarju Ġenerali sakemm issir ir-riforma fi ftit ġimgħat oħra.

Kien hemm 56 vot favur l-għażla immedjata ta’ Francis Zammit Dimech. Sitt membri vvutaw kontra u 11, inkluż Delia, astjenew.

Is-sorsi tagħna qalulna li ma jiftakrux każi meta l-Kap tal-Partit jagħmel appell tant ħerqan favur xi ħaġa u l-membri jivvutaw kontrih b’maġġoranza tant kbira.