L-eżamijiet tal-MATSEC għandhom jiġu posposti bi ħmistax – l-istudenti

exams1

L-eżamijiet tal-MATSEC għandhom jiġu posposti minn bejn ġimagħtejn sa tliet ġimgħat, skont għadd ta’ kunsilli tal-istudenti flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).

Fi stqarrija, il-KNŻ qal li bagħat imejl lill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici bil-proposti tal-istudenti fid-dawl tal-imxija tal-coronavirus. Qal li kkonsulta mal-kunsilli tal-istudenti tal-Università, tal-GF Abela Junior College, ta’ San Alwiġi, ta’ De La Salle, tal-Giovanni Curmi Higher Secondary, tal-MCAST, u tal-ITS.

L-għaqdiet iridu li l-eżamijiet kollha jsiru sa tliet ġimgħat wara minn meta kellhom isiru bil-possibilità li d-data tkompli riesqa lura kif ikun meħtieġ. Qalu li huwa important li jiġi assigurat li jkun hemm biżżejed żmien għar-resits u biex wieħed ikun jista’ japplika biex jidħol f’istituzzjoni oħra bħall-univeristà.

Intqal ukoll li l-eżamijiet orali għandhom isiru wara li jsiru l-eżamijiet tal-kitba. Ipproponew li jekk jittardjaw l-eżamijiet, is-sena akkademika tal-edukazzjoni terzjarja tal-2020-2021 għandha tibda u tispiċċa aktar tard mis-soltu.

L-istudenti qed jipproponu wkoll miżuri ta’ saħħa u sigurtà fosthom li jkun hemm sanitisers fiċ-ċentri tal-eżamijiet.

L-istudenti lmentaw ukoll li hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn