L-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika se jsiru fl-iskejjel tal-Knisja

Read in English.

L-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja se jsiru xorta waħda, u għaldaqstant mhux se jintlaqtu mid-direttiva tal-Unjin tal-Għalliema (MUT).

Aqra: L-MUT tikkonferma li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika mhux se jsiru

Il-kwistjoni hija dwar diżgwid bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni li ilu sejjer mis-sena skolastika li għaddiet, peress li l-MUT qed tipprotesta għax l-għalliema ta’ dawn iż-żewġ suġġetti qed jitgħabbew b’aktar lezzjonijiet milli suppost.

Skont l-MUT, il-Ministeru “baqa’ jkaxkar saqajh” fuq l-affari u ma impjegax għalliema ġodda, anzi qal li m’għandux bżonn għalliema ġodda. L-MUT bi protesta qalet lill-għalliema tal-Malti u tal-Matematika biex ma jkollhomx x’jaqsmu mal-assessjar u l-eżamijiet. Ilbieraħ, fi stqarrija ministerjali, il-Ministru Evarist Bartolo appella lill-MUT biex tidentifika għalliema li jistgħu jiġu impjegati.

Aqra: Il-Ministeru jitlob lill-MUT terġa’ tikkunsidra d-direttiva li ma jsirux l-eżamijiet

“Ma jfissirx li l-problema mhix hemm”

Sorsi infurmati qrib Newsbook.com.mt qalu li l-karti  tal-eżamijiet ilhom lesti u li t-tfal ġew infurmati mill-kapijiet tal-iskejjel illum. Żiedu li għalkemm l-eżamijiet se jsiru, dan ma jfissirx li l-problema mhix qiegħda hemm. Spjegaw li hemm skejjel tal-Knisja li għandhom din il-problema f’suġġetti oħra u mhux biss l-għalliema tal-Malti u tal-Matematika għandhom tagħbija ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa.

Aqra: L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo sostna li hemm biss 3.5% tal-għalliema għas-suġġetti kollha li għandhom il-massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa, skont kif jippermetti l-ftehim kollettiv. L-għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt insistew li din l-istatistika ma tkoprix l-iskejjel tal-Knisja, għax kieku l-persentaġġ ikun ferm ogħla. L-għalliema tal-Knisja huma urtati li l-Ministru qed jipprova jpinġi li s-sitwazzjoni miexja ħarir.

Intant, is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika f’Malta, fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, qal li huma staqsew lill-iskejjel tal-Knisja jekk kinux lesti li jaqsmu l-karti ma’ skejjel oħra li kellhom xi diffikultajiet. Fir-risposta tagħha, l-MUT qalet li jekk jiġri dan, hija tiddikjara tilwima industrijali mas-Segretarjat u toħroġ direttiva lill-membri. Hija qalet lis-Segretarjat li l-ebda karta tal-eżamijiet ippreparata mill-għalliema ma tista’ tinxtered, lanqas mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Min-naħa tiegħu, is-Segretarjat qal li ta ordni biex jinjoraw l-appell li kien sar iktar qabel.