“L-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika se jsiru” – Il-Ministeru

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika se jkunu qed isiru. Dan qalu fi stqarrija fejn spjega li din id-deċiżjoni ttieħdet wara numru ta’ laqgħat mal-MUT u mal-għalliema konċernati.

Il-Ministeru kkonferma li l-eżamijiet se jkunu qed isiru kemm fuq livell medju, kif ukoll fuq livell sekondarju skont it-timetables maħruġa.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-MUT dwar dan fejn il-President Marco Bonnici sostna li huwa misteru ta’ min se jagħmel dawn il-karti, bl-istess mod tal-eżamijiet ta’ Frar. Dan hekk kif id-direttivi tal-union għadhom fis-seħħ u l-Ministeru “żgur ma jistax jagħmel użu mill-għalliema.”

Għall-aħħar jiem, l-unions tal-għalliem u l-Ministeru għall-Edukazzjoni kienu jinsabu għaddejjin b’numru ta’ laqgħat, wara li l-MUT iddeċidiet li toħroġ direttiva sabiex l-għalliema ma jaħdmux fuq karti tal-eżami tal-Malti u l-Matematika.

Aqra: “Aħna ma nixtiqux inkunu bla eżami” – studenti

“L-offerta tal-Ministeru insult għall-għalliema” – MUT

Filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jidher li skont l-union tal-għalliema (MUT) ipprova jagħmel offerta lill-għalliema li għandhom tagħbija massima, l-MUT tenniet li l-offerta hija insult għall-għalliema u għaldaqstant ikkonfermat mill-ġdid id-direttivi.

Aqra: L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika

Fi stqarrija mibgħta aktar kmieni, l-MUT spjegat li l-offerta tal-Gvern kienet li dawk l-għalliema li għandhom il-piż massimu ta’ 25 lezzjoni, jingħataw kumpens ta’ darba ta’ €3,000 kull wieħed bil-patt u l-kundizzjoni li jaqgħu d-direttivi. L-għalliema fi ħdan l-MUT vvotaw kontra din il-proposta. L-MUT tenniet li offerta bħal din se toħloq sitwazzjoni ta’ firda bejn l-edukaturi stess u ddeskrivewha bħala “lixka li ma ssolvi xejn u li toħloq numru ta’ problemi ġodda kieku tiġi aċċettata.”

Intant, l-MUT kompliet billi fakkret lill-Ministeru li kull min għandu inqas minn 25 lezzjoni bħalissa għandu responsabbiltajiet oħra. Insistiet li l-problema hija waħda li se tolqot b’xi mod jew ieħor lil kulħadd u ma tistax tiġi indirizzata billi jinxtraw l-għalliema.

Aqra: L-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika se jsiru fl-iskejjel tal-Knisja

Aqra: Il-Ministeru jitlob lill-MUT terġa’ tikkunsidra d-direttiva li ma jsirux l-eżamijiet

Ġenituri jappellaw lill-Gvern għal mekkaniżmu li jevita sitwazzjonijiet simili

F’ittra indirizzata għall-għalliema, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti tal-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) ħareġ appell lill-Gvern sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu li jevita sitwazzjonijiet fejn għalliem jitgħabbew b’piż żejjed. Intant il-ġenituri insistew li jirrikonoxxu l-impenn u l-ħidma tal-għalliema sabiex tħejji l-istudenti. Qalu li l-eżamijiet mhumiex biss riflessjoni tax-xogħol li l-istudent għamel matul is-sena, imma jirrifletti wkoll il-ħidma sfieqa li l-għalliema jagħmlu b’tant dedikazzjoni. Qalet li l-ulied jeħtieġ jitgħallmu li hu tajjeb li tiġġieled għad-drittijiet tiegħek, imma f’kuntest li ma tħallix impatt fuq id-drittijiet ta’ terzi.