L-eks Re Spanjol Juan Carlos f’eżilju minħabba korruzzjoni

Aġġornat 01:08 PM
REUTERS/Francois Lenoir

Read in English.

L-eks Re ta’ Spanja Juan Carlos iddeċieda li jitlaq minn pajjiżu. Dan it-tluq drammatiku maħsub sabiex iħares lill-monarkija mill-għadd ta’ akkużi ta’ korruzzjoni li qed ikunu mitfugħin lejh.

L-aġenzija Reuters qed tirraporta, li r-Re Juan Carlos jinsab ir-Repubblika Dominkana.

Juan Carlos, li kien popolari ħafna u li issa jinsab mifni b’diversi skandli, ħalla Spanja qabel ma tħabbret l-aħbar u mingħajr l-ebda indikazzjoni ta’ fejn seta’ mar.

L-aħbar ħasdet lill-poplu Spanjol u ħolqot qasma fl-opinjoni dwar jekk l-eks Re, li llum għandu 82 sena u li żamm it-titlu ta’ Re Emeritus, għamilx sew li telaq jew kellux jibqa’ u jiffaċċja l-ġustizzja.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, kompliet tikber il-pressjoni fuqu u fuq ibnu, ir-re Felipe, sabiex jaraw kif jistgħu isalvaw il-monarkija wara li prosekuturi Spanjoli u Żvizzeri bdew jevalwaw l-allegazzjonijiet ta’ tixħim marbuta ma’ kuntratt għall-bini ta’ linja ferrovjarja veloċi ġdida.

Stqarrija mill-palazz ikkwotat ittra miktuba minn Juan Carlos lil Felipe fejn intqal li xtaqu jibqa’ jirrenja mingħajr problemi żejda “f’nofs riperkussjonijiet pubbliċi li qed jitqanqlu kawża ta’ xi affarijiet li ġraw fil-ħajja privata tiegħi fl-imgħoddi”.

“Immexxi mix-xewqa li nservi lill-poplu Spanjol, lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż u lilek bħala r-re, bl-aħjar mod possibbli, qed ninfurmak bid-deċiżjoni tiegħi li dan huwa l-mument li nitlaq minn Spanja.”

Ir-Re Felipe irringrazzja lil Juan Carlos għad-deċiżjoni tiegħu filwaqt li saħaq “l-importanza storika li r-renju ta’ missieru jirrappreżenta” għad-demokrazija fi Spanja.