Eks-Prim Ministru Irlandiż jappella lil pajjiżu biex jiċħad l-abort

L-eks-Prim Ministru Irlandiż, John Burton, appella lill-votanti Irlandiżi biex jiċħdu l-abort u qal li l-pajjiż għandu jkun kburi li fil-Kostituzzjoni tiegħu joffri protezzjoni għat-trabi mhux mitwielda. 
Burton sostna li t-trabi jkunu diġà b’saħħithom qabel jitwieldu u allura jistgħu jħossu l-uġigħ u jbatu meta jkunu għadhom fil-ġuf.
“Li b’mod arbitrarju wieħed jgħid li wara tant ġimgħat tista’ twaqqaf dik il-ħajja mhuwiex skont il-valuri tal-karità lejn il-batut, valuri li kkaraterizzaw lill-Irlandiżi tul tant sekli.”
Hu żied jgħid li “Hu veru li aħna forsi wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li fil-Kostituzzjoni tiegħu jagħti rikonoxximent għad-dritt tal-ħajja tat-tarbija mhux mitwielda, imma dik xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha”.
John Burton kien Prim Ministru tal-Irlanda bejn l-1994 u l-1997 u wara serva bħala Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti.
Hu kien mexxej tal-Partit Fine Gael li issa qed jipprova jagħmel liberaliżzazzjoni radikali mil-liġijiet dwar l-abort.
L-eks-Prim Ministu ddikjara pubblikament li hu mhux se jivvota biex l-imsemmi artiklu jitneħħa mill-Kostitutzzjoni, iżda ma ażżardax jipprevedi x’se jkun ir-riżultat tar-referendum li se jsir dwar dan.
“Hu evidenti li l-opinjonijiet huma maqsuma. Jien inħoss li jekk taċċetta li tarbija qabel it-twelid hi ħlejqa umana allura trid tistaqsi lilek innifsek bħala uman, jekk dik il-ħlejqa għandhiex drittijiet umani.  Jekk dik il-ħlejqa għandha drittijiet umani, allura l-ewwel dritt li għandha hu dak li tgħix”, sostna John Burton.