L-ewwel żjara uffiċjali għat-tifel ta’ Harry u Meghan

Ritratt: Instagram

Iċ-ċkejken Archie, iben il-Prinċep Harry u d-Dukessa ta’ Sussex Megan, se jkun qed jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu.

Kien permezz tal-Instagram li d-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex ħabbru li fil-ħarifa se jkunu qed iżuru l-Afrika.

Għalkemm din mhux l-ewwel darba li Harry u Meghan żaru dan il-post, din se tkun l-ewwel darba li huma se jkunu qed imorru bħala familja biċ-ċkejken Archie, li f’okkażjoni ta’ Jum il-Missier ftit tal-ġimgħat ilu, urew ukoll l-ewwel ritratt tiegħu.

AQRA: Għal jum il-missier, Harry u Meghan joħorġu l-ewwel ritratt b’wiċċ Archie

L-Afrika huwa post għal qalb Harry għax fil-fatt huwa l-post li fih ommu, il-mibkija Prinċipessa Diana għamlet ħafna ħidma umanitarja fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-AIDS.

Ritratt: Instagram

Kien l-Uffiċju tal-Affarijiet Barranin u l-Commonwealth li ħabbar li kienet saret stedina uffiċjali li ntlaqgħet mill-koppja. Huma se jkunu qed iżuru wkoll il-Malawi, l-Angola, u l-Botswana, li huma l-ewwel post li huma żaru flimkien bħala koppja fl-2016 meta r-relazzjoni tagħhom kienet bdiet dieħla fis-serjetà u ftit wara kienu ħabbru l-għerusija tagħhom.

L-aħħar li Harry u Meghan żaru l-Afrika kien fl-2017 fejn hemmhekk iċċelebraw għeluq snin Markle.