L-Ingilterra u l-Italja bl-ewwel 2 każijiet tal-coronavirus

Aġġornat 01:48 PM

Il-Prim Ministru Taljan ikkonferma li kien hemm żewġ ċittadini Ċinizi li nstab li kienu mardu bil-Coronavirus. Uffiċjal mediku Ingliż ikkonferma wkoll żewġ każijiet fl-Ingilterra.

Il-pazjenti fil-każijiet fl-Italja kienu residenti f’lukanda f’Ruma, filwaqt li ż-żewġ pazjenti fl-Ingilterra huma membri tal-istess familja. Huma ttieħdu f’ċentru apposta fi Newcastle.

Il-każ fl-Italja m’għandux x’jaqsam mal-alert li kien hemm il-Ħamis minħabba vapur tal-passiġġieri li abbord kien hemm Ċiniżi li kienu qed juru sintomi tal-influwenza.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, filwaqt li appella għall-kalma, qal li fost il-miżuri li bdew jittieħdu kien hemm is-sospenzjoni tat-titjiriet kollha bejn l-Italja u ċ-Ċina irrispettivament minn fejn jitilqu.

L-iżvilupp seħħ hekk kif l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ddikjarat l-epidemija tal-Coronavirus fiċ-Ċina bħala emerġenza internazzjonali.

Sadattant Franza ħabbret li l-każi ta’ infezzjoni kienu telgħu għal sitta filwaqt li fl-Istati Uniti kien hemm l-ewwel każ ta’ infezzjoni minn persuna għal persuna ta’ dan il-virus.

S’issa fiċ-Ċina, il-vittmi ta’ dan il-virus telgħu għal 213, filwaqt li l-każijiet konfermati fiċ-Ċina huma kważi 10,000. Kien hemm 98 każ fi 18-il pajjiż ieħor madwar id-dinja.