L-ewwel tweet tal-Isqof Charles Scicluna

L-ewwel tweet tal-Isqof Charles J. Scicluna kienet frażi ta’ San Maximilian Kolbe, li uża l-mezzi soċjali biex iwassal il-Kelma ta’ Alla. 

Il-frażi tgħid hekk: "I will never take back my love, my truth will never fail". Mons. Scicluna għażel din il-frażi għaliex illum qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ dan il-qassis Pollakk li miet bħal-lum 72 sena ilu, fiċ-ċella tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz.

Fuq twitter Mons. Scicluna juża l-isem ta' Bishop Scicluna.  

Lil kull min qed isegwih fuq Twitter, Mons. Sciclina staqsieh jekk hux lest jagħmel bħal San Maximilian Kolbe u juża l-mezzi soċjali biex ixandar l-Kelma.

Fuq il-blogg tiegħu fuq Newsbook.com.mt, l-Isqof Scicluna qal li kienu ż-żgħażagħ li ltaqa’ magħhom fil-Brażil li ħajruh jibda juża n-networks soċjali biex ikompli jaqdi l-vokazzjoni tiegħu. Mons. Scicluna rrakkonta li baqa’ impressjonat kemm iż-żgħażagħ jużaw tablets, smartphones u gadgets oħra biex jikkomunikaw bejniethom u mad-dinja.

Fil-blogg, Mons. Scicluna tkellem dwar l-esperjenza ta’ ġimgħatejn fil-Brażil għall-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u li kien wieħed mis-650 isqof li pparteċipa f’din l-attività reliġjuża. Iltaqa’ mal-missjunarji Maltin li ilhom snin twal il-Brażil u li taw ħajjithom għall-komunità Brażiljana.

L-Isqof jgħid li fil-Brażil iltaqa’ maż-żewġ uċuħ tal-pajjiż; il-ġmiel naturali u l-inġustizzji soċjali.

Mons. Scicluna appella biex aktar żgħażagħ – saċerdoti, lajċi u reliġjużi – jibqgħu joffru ħajjithom f’dan il-pajjiż.

Tista' tagħfas din il-link biex tibda issegwi lil Mons. Scicluna fuq Twitter: https://twitter.com/BishopScicluna