L-Ewwel Tqarbina u l-Griżma għas-sajf?

Matul dawn il-ġimgħat ħafna familji Maltin ikunu qegħdin jippreparaw biex uliedhom jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Minħabba l-pandemija tal-coronavirus il-preparamenti kollha ġew posposti. Imma hemm data meta dan se jsir?

Issa li nhar is-Sibt se jkunu qegħdin jibdew il-quddies bil-pubbliku fil-knejjes Maltin, ħafna qegħdin jistaqsu dwar l-Ewwel tqarbina u l-Ġriżma tal-Isqof fil-parroċċi.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-kappillani qed iħejju biex, fejn hu possibbli, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma jsiru fix-xhur tas-sajf. Kelliem għall-Kurja tal-Arċisqof ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li: “fir-rigward tal-Ewwel Tqarbina, kull kappillan se jiddeċiedi meta din iċ-ċelebrazzjoni tkun tista’ ssir ladarba d-direttivi l-ġodda li qed jitħejjew jiġu ppubblikati.”

Il-miżuri biex jinżammu d-distanzi bejn il-persuni jagħmlu l-għoti ta’ dan is-sagrament aktar diffiċli anke minħabba għadd kbir ta’ tfal u l-ġenituri u l-familji tagħhom ikunu preżenti.

U l-Ġriżma?

Numru ta’ parroċċi diġà bdew iħabbru d-dati li matulhom se tiġi ċċelebrata l-Ewwel Tqarbina. Newsbook.com.mt hu infurmat li d-dati li fihom se jiġi ċċelebrat is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, għadhom qegħdin jiġu ppjanati. Dan is-sagrament jiġi amministrat mill-Arċisqof jew id-delegat tiegħu.  Aktar dettalji jitħabbru fid-direttivi l-ġodda.