L-ewwel terz tas-sena 2019 mdemmi b’żewġ delitti

L-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019 jinsabu mdemmija b’żewġ delitti li swew il-ħajja ta’ tliet persuni. L-ewwel każ seħħ fl-aħħar jiem tax-xahar ta’ Marzu, fejn omm u bintha nstabu mejta f’għalqa fil-limit ta’ Ħal Għaxaq wara xi jiem nieqsa. It-tieni każ seħħ propju tard ilbieraħ filgħaxija hekk kif argument bejn tliet irġiel f’Birżebbugia wassal għall-qtil ta’ raġel barrani.

Il-każ ta’ Marija Lourdes u Angele Bonnici

Marija Lourdes u Angele Bonnici, omm u bint, kienu ġew irrappurtati nieqsa fis-28 ta’ Marzu fejn il-Pulizija ħarġet appell għall-pubbliku sabiex min jarhom jew ikollu informazzjoni dwarhom jgħaddiha lill-Pulizija. L-aħħar li dehru kien fis-26 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-7am fir-residenza tagħhom f’Ħal Għaxaq.

Aġġornata – Qtil doppju: Qraba tal-vittmi jwasslu l-Pulizija għas-sejbien tal-katavri

Aktar tard, propju fit-30 ta’ Marzu, il-katavri taż-żewġ nisa instabu f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq, fi Trejqet Santu Kristu, fl-istess lokalità tar-residenza tagħhom.

Intant, propju l-għada tas-sejba makabra, raġel ta’ 38 sena minn Ħal Għaxaq tressaq il-Qorti mixli li qatel lil ommu u lil oħtu tard il-Ħadd waranofsinhar. Joseph Bonnici wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.

Qtil Doppju: Ir-raġel iwieġeb mhux ħati għall-akkużi

Missier is-suspettat bil-qtil ta’ ommu u oħtu, jinsab il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena wara li kien qatel il-ġirien tal-familja kiesaħ u biered f’Mejju 2000. Il-Qorti kienet semgħet kif Paul Bonnici kien spara fuq Joseph u Carmela Dalli barra darhom. Minn dak li ħareġ fil-Qorti iż-żewġ familji kien ikollhom spiss xi jgħidu.

Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti

L-argument li nbidel f’delitt f’Birżebbuġa

It-tieni każ seħħ propju lbieraħ, fejn argument f’residenza f’Birżebbuġa wassal sabiex żewġ persuni jindarbu filwaqt li raġel ieħor spiċċa maqtul permezz ta’ tir b’arma tan-nar.

L-argument żviluppa għall-ħabta tal-11pm f’residenza fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa. Il-Pulizija l-ewwel sabet raġel f’qagħda kritika, li immedjatament ittieħed l-isptar, ir-raġel li safa maqtul kien mixħut mal-art b’ħafna dmija madwaru. Dettalji dwar iż-żewġt irġiel għadhom mhux magħrufa. Intant, raġel ta’ 45 sena mill-Georgia instab aktar tard fl-istess triq tar-residenza jsofri minn ġrieħi. Ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei.

Argument bejn tliet barranin f’Birżebbuġa jispiċċa f’delitt