L-ewwel taħdita pubblika dwar il-wirt industrijali fil-birrerija ta’ Farsons

Oġġett jibda jirrappreżenta wirt kulturali jekk ikun jinteressa lill-pubbliku għal xi raġuni artistika, xjentifika, teknika, storika, industrijali jew minħabba d-disinn urban tiegħu. Kwalunkwe kriterju minn dawn jgħin biex l-oġġett jibda jirrappreżenta wirt kulturali u jkun imħares.
Dawn il-kriterji kollha nsibuhom fl-arkitettura tal-Brewhouse ta’ Farsons u qed ikunu żviluppati aktar permezz tal-pjan għall-bdil tal-Brewhouse ikonika u tas-Swali tal-Ippakkjar ta’ Farsons f’Park tan-Negozju.
Fil-bidu sar diskors mid-Direttur ta’ Farsons Michael Farrugia u, wara, l-ispeċjalista dwar il-wirt storiku Dr Kristen Lippincott tat ħarsa ġenerali li fiha identifikat it-temi tal-produzzjoni tal-birra fil-Birrerija l-Antika ta’ Farsons; l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tal-kumpanija, il-komunità ta’ Farsons, u l-marka ta’ Farsons fil-kuntest tal-wirt industrijali ta’ Malta.  
Wara, tkellem il-Professur Ian Ritchie, rebbieħ ta’ diversi premjijiet prestiġjużi fl-arkitettura, u li l-kumpanija tal-arkitettura tiegħu żviluppat l-ewwel pjan propost.
It-taħdita pubblika ‘L-Arkitettura u l-Wirt Industrijali ta’ Farsons’ kienet l-ewwel waħda minn sensiela ta’ taħditiet li qed jittellgħu speċifikament  dwar temi relatati mal-wirt industrijali.
It-tieni taħdita bit-titlu ‘L-Avvanz Industrijali u Strateġiji ta’ Difiża’ se tingħata minn Matthew Balzan, u se ssir l-Erbgħa 28 ta’ Jannar fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu, fis-6.30 p.m.
Dawn it-taħditiet huma parti minn inizjattiva usa’ ta’ Farsons u tal-Fondazzjoni Farsons, bi sħab ma’ Heritage Malta u l-Università ta’ Malta, bl-iskop li tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-wirt industrijali ta’ Malta u ta’ Farsons.
Fid-dawl ta’ dan, is-sena l-oħra, il-Fondazzjoni Farsons u l-Università ta’ Malta ħarġu wkoll pubblikazzjoni b’kontributi ta’ riċerka dwar il-wirt industrijali Malti.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.