L-ewwel sfida għal Malta: li jinstab min hu ħati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – Il-President

President George Vella
DOI: Omar Camilleri

Read in English.

Fid-diskors tiegħu f’Jum ir-Repubblika, il-President George Vella qal li l-ewwel u l-akbar sfida li għandha quddiemha Malta bħalissa hija li “mill-aktar fis possibbli, fil-parametri tal-korrettezza ġudizzjarja neċessarja, isir ħaqq, u titwettaq ġustizzja ma’ min jinstab ħati li b’xi mod kien parteċipi fil-qtil faħxi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.”

F’diskorsu huwa saħaq li l-allegazzjonijiet ta’ kriminalità, u l-konnessjonijiet dubjużi, għandhom jiġu investigati bl-aktar mod professjonali, u dawk involuti jridu jitressqu quddiem il-liġi bla dewmien jew favuri.

Fiehem li, “Irridu nnaddfu kif jidher pajjiżna barra minn xtutna,” u fil-fehma tal-President, dan ma jsirx billi nippruvaw ninsew li ġara, imma billi nuru sogħba ġenwina ta’ dak li sar u nipperswadu lil kulħadd li dak li sar mhu se jirrepeti ruħu qatt aktar.

Il-President beda d-diskors tiegħu billi rrefera għad-diskors li għamel is-sena l-oħra f’din l-okkażjoni, meta qal li Malta hija akbar mill-klikka li ħakmitha. Dan qalu b’referenza għat-taqlib politiku li kien hawn, li oriġina mill-aħbarijiet xokkanti li bdew ħerġin f’Novembru tal-2019 b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-President qal li sena ilu ħaseb li d-diskors li kien se jagħmel kien se jkun l-iżjed wieħed diffiċli fil-karriera politika tiegħu, iżda wara li għamlu, “ħassejtni li striħajt minn toqol li kont qiegħed inħoss ġewwa fija u ttamajt li dak iż-żmien kien ser jgħaddi u jintrefa’ fil-kotba tal-istorja.”

Madankollu, il-President stqarr li kien żbaljat, għax qatt ma basar x’kellu jiġri fl-2020, meta d-dinja nħakmet minn pandemija u l-ħajja ta’ kulħadd inqalbet ta’ taħt fuq.

Sena mżewqa b’riżenji u tibdiliet fit-tmexxija: “Avvenimenti mhux komuni”

Il-President irrifletta fuq il-pandemija u semma t-telfa li ġarrbu dawk li tilfu lil xi ħadd qribhom bil-pandemija. Hu esprima s-simpatiji tiegħu mal-qraba tal-vittmi tal-Covid-19, peress li dawn ma setgħux ikunu qribhom fl-aħħar mumenti tagħhom.

Sellem lill-ħaddiema tas-saħħa, lil dawk li jieħdu ħsieb l-infurzar tal-liġi, u lill-ħaddiema fid-djar tal-anzjani. Sellem ukoll lill-għalliema u l-edukaturi u wriehom apprezzament talli baqgħu għaddejjin bir-responsabbiltajiet tagħhom, minkejja s-sogru għal ħajjithom. Tkellem fuq kif il-pandemija affettwat l-ekonomija u t-turiżmu, l-edukazzjoni u s-saħħa mentali.

Huwa qal li xtaq li kieku f’din l-okkażjoni, diskorsu seta’ jiffoka fuq l-iżviluppi li seħħew fil-pajjiż minn meta Malta saret Repubblika fl-1974, madankollu ħass li jkun iżjed f’waqtu li jħares lura lejn dak li l-pajjiż għadda minnu tul l-aħħar sena, u li jara x’hemm fil-ġejjieni ta’ Malta.

Il-President semma kif din l-aħħar sena ma kinitx iebsa minħabba l-Covid-19 biss, iżda anke minħabba t-taqlib politiku li għaddiet minnu Malta. Huwa rrefera għall-attiviżmu politiku ta’ gruppi tas-soċjetà ċivili bl-għajta għat-trasparenza politika, għall-kontabbiltà fl-Amministrazzjoni Pubblika, għat-tibdil fil-legiżlazzjoni li jirrifletti aħjar l-istat tad-dritt, għal istituzzjonijiet aktar awtonomi u indipendenti f’ħidmiethom, kif ukoll bit-talba għall-ħaqq u l-ġustizzja fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan l-attiviżmu, fi kliem il-President, kellu effett mhux żgħir fuq l-ambjent politiku, kif ukoll fuq l-andament tal-ħajja soċjali f’Malta.

President George Vella
DOI: Reuben Piscopo

Apparti dan, irriżenja l-Prim Ministru Joseph Muscat f’nofs leġiżlatura, beda jokkupa l-kariga Robert Abela, u apparti hekk, xhur wara, tneħħa Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni biex imbagħad inħatar Bernard Grech. Il-President qal li dawn ma kinux avvenimenti komuni fil-qasam politiku Malti.

Għaldaqstant, il-pajjiż għandu miri x’jilħaq, li l-ewwel waħda fosthom hi ġustizzja fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Barra minn hekk, skont il-President, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet Eżekuttivi, dawk Ġuridiċi, u dawk Regolatorji, jitħallew jaħdmu kif suppost bl-indipendenza kollha tagħhom.

Xi sfidi taffaċċja Malta fl-2021?

Sfidi oħra li taffaċċja Malta huma t-tiġdid tal-ekonomija u l-ħarsien tal-ambjent. Fuq dan tal-aħħar, il-President qal li dan għandu relevanza partikolari llum, f’pajjiż żgħir bħal Malta b’territorju limitat u popolazzjoni densa. Saħaq li Malta ma tistax tibqa’ titkerrah “b’binjiet utilitarji li m’għandhom ebda karattru arkitettoniku jew tipiku Malti.” Sostna li dan jistona mal-wirt kulturali Malti, u jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-qadim u l-ġdid.

Huwa semma wkoll l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari, u qal li l-ebda pajjiż ma jista’ jaffaċċja din il-problema waħdu, speċjalment jekk ikun pajjiż żgħir bħal Malta. Semma l-isforzi li qegħdin isiru mill-Gvern, u qal li sfortunatament, ma jarax soluzzjoni għal din l-kriżi.

Il-President laqa’ bi pjaċir tibdil li sar dan l-aħħar, pereżempju r-riformi li twettqu, kif kienu rakkomandati mill-Kummissjoni Venezja. Stqarr li r-rieda politika li wasslet biex seħħew dawn ir-riformi, tagħmillu kuraġġ biex jistenna li kif intweriet din il-maturità politika fix-xhur li għaddew, tintwera wkoll fid-diskussjonijiet li mistennija jsiru għar-riformi li għad iridu jsiru. Semma kif beħsiebu jagħti spinta lill-Konvenzjoni Kostituzzjonali fix-xhur li ġejjin.

President Repubblika Marsa
It-tqegħid tal-fjuri mal-monument tar-Repubblika fil-Marsa / DOI: Omar Camilleri

“Għandna għalfejn nistennew li jkollna xi kriżi biex ningħaqdu?”

Dwar id-dinja ta’ wara l-pandemija, il-President qal li jittama li jkun ġie akkwistat xi tip ta’ kontroll permezz tat-tilqim, li l-ekonomija tkun reġgħet bdiet tinbena, li t-turiżmu jerġa’ jsir fattur fl-ekonomija u li r-rutina tal-ħajja soċjali terġa’ tinstab.

Huwa temm diskorsu b’messaġġ ta’ għaqda: “Nistgħu ma naqblux filwaqt li nirrispettaw lil xulxin. Jekk inkunu mifrudin niddgħajfu. Jekk inkunu magħqudin nissaħħu.” Saħaq li ċ-ċavetta għas-suċċess ta’ Malta hi l-għaqda ta’ bejnietna.

Għall-President, hu ironiku kif tul il-pandemija, spikka sens ta’ għaqda u solidarjetà li qabel qajla kien jixref. “Għandna għalfejn nistennew li jkollna xi kriżi biex ningħaqdu?” staqsa l-President. Bl-istess mod, staqsa l-President, “għandna għalfejn ngħaddu minn trawmi politiċi biex nifhmu li l-politika għandha postha imma li m’għandniex inħalluha tifridna bħala poplu?”

Il-President temm jgħid li jeħtieġ li l-paċi f’Malta tissaħħaħ b’ħidma kontra t-tixrid tal-armamenti, kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija, u dak kollu li jifred.