L-ewwel sentenza dwar ħasil ta’ flus mill-Qorti tal-Vatikan

Il-bini li jilqa' fih it-Tribunal tal-Vatikan

Il-Qorti tal-Istat tal-Vatikan ikkundannat kuntrattur Taljan li għamel diversi xogħlijiet f’uffiċċji fil-Vatikan għal sentejn u nofs ħabs talli uża kont bankarju mal-Bank tal-Vatikan għal skopijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Il-kuntrattur, Angelo Proietti ta’ 63 sena instab ħati b’sentenza li ngħatat fis-17 ta’ Diċembru. L-Avukat tiegħu qal li se jappella minn din is-sentenza.

Il-Qorti tal-Vatikan, minbarra s-sentenza ta’ ħabs, ordnat ukoll il-konfiska ta’ aktar minn €1 miljun li Proietti kellu fil-kont tiegħu mal-Bank IOR li hu l-isem proprju tal-bank tal-Vatikan. Dawn il-flus kien ilhom iffriżati mill-2014, meta beda jiġi investigat il-każ.

Din hi l-ewwel darba li l-Qorti tal-Vatikan tat sentenza fuq akkużi simili skont liġi li kien ippromulga l-Papa Benedittu XVI fl-2010 li tipprojbixxi l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu minn kontijiet miżmuma fil-Bank tal-Vatikan.

Fl-2016, l-awtoritajiet Taljani kienu poġġew lill-kuntrattur taħt “house arrest” meta kienu qed jinvestiaw il-falliment tal-kumpanija Edil Ars, kumpanija tiegħu li kienet tispeċjalizza fil-bini, restawr tal-arti u proġetti oħra. Rapport fl-istampa ta’ dak iż-żmien kienu qalu li Proietti kien uża l-kont bankarju tiegħu mal-IOR biex ħeba miljuni ta’ ewro tal-kumpanija falluta.

Il-liġi tal-Ħasil tal-Flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hi parti mill-liġijiet tal-Istat tal-Vatikan u saret fi sforz biex il-Vatikan jassigura li l-bank u operazzjonijiet finanzjarji oħra tiegħu jkunu trasparenti u ma jintużawx għall-evażjoni tat-taxxa jew atti kriminali oħra.

L-isforzi tal-Vatikan f’din id-direzzjoni kienu jinkludu wkoll kontroll fuq min jista’ jkollu kont mal-Bank IOR u b’riżultat kienu ngħalqu eluf ta’ kontijiet ta’ persuni li ma kinux jikkwalifikaw skont ir-regoli l-ġodda. Illum biex ikollok kont mal-bank tal-Vatikan trid tkun impjegat jew eks impjegat tal-Vatikan, diplomatiċi akkreditati mas-Santa Sede, Konferenzi Episkopali, djoċesijiet, ordnijiet reliġjużi u istituzzjonijiet uffiċjali Kattoliċi oħra.