Jitla’ mil-Lega ta’ Salvini, partit kontra l-immigrazzjoni illegali

Toni Iwobi, l-ewwel senatur ta' karnaġġjon skur fl-Italja li ġie elett fl-elezzjoni tal-Ħadd li għadda, qal li l-vot favur partiti tal-lemin estrem juri li l-Italja mhix kontra l-immigrazzjoni.
Iwobi, negozjant Niġerjan ta’ 62 sena, rebaħ siġġu mill-belt żgħira ta’ Sapiano fil-Lombardija, u kkontesta mal-Lega, il-partit immexxi minn Matteo Salvini, li kemm-il darba tkellem kontra l-immigrazzjoni illegali.
Il-partit ta’ Salvini ġab 18% tal-voti mitfugħa, u kien l-aktar partit popolari fil-koalizzjoni ċentru-leminija, li ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni.
In-Niġerjan qal li hu unur kbir għalih li jsir l-ewwel senatur iswed fl-Italja, u flimkien miegħu ġie elett ukoll il-gvernatur il-ġdid tal-Lombarija, Attilo Fontana, li hu wkoll fl-istess partit, u li darba kien ġie kkwotat jgħid li l-influss migratorju fl-Italja qed jhedded “lir-razza l-bajda”, fi kliemu.
Iwobi wasal l-Italja fis-Sebgħinijiet biex jistudja, u llum għandu kumpanija tal-IT. Aktar tard iċċaqlaq lejn Spirano, fejn sar midħla tal-Lega, li dak iż-żmien kien magħruf bħala Lega Nord.
In-Niġerjan Kattoliku argumenta li n-nies iridu jivvjaġġaw lejn l-Italja b’mod legali, bħalma kien għamel hu b’viża ta’ student, u enfasizza li l-ġlieda tal-partit ta’ Salvini hi li jerġa’ jistabbilixxi l-migrazzjoni legali.
Intqal li Iwobi kien wieħed mill-fatturi ta’ suċċess fil-Lega, u għen sabiex jinħolqu wħud mill-politiki ewlenin tal-partit, wara li Salvini stess appuntah fuq il-Kumitat għall-Immigrazzjoni u s-Sigurtà fl-2015.
Uħud mit-tiri tal-partit huma li jiffaċilita d-deportazzjoni ta’ immigranti illegali fl-Italja, li jirrifjuta nies mingħajr dokumenti li jaslu fuq dgħajjes tal-karità, u li jiżviluppa pjan mifrux mal-Unjoni Ewropea kollha sabiex jiġu megħjuna pajjiżi li minnhom qed jaħarbu n-nies.
Bħall-mexxej tiegħu, Iwobi jsemmi lis-600,000 persuna li daħlet fl-Italja b’mod illegali, u jgħid li dawn iridu jitneħħew mill-pajjiż.
Itemm jgħid li kull min jaħrab mill-pajjiż minħabba persekuzzjoni għandu jintlaqa’, iżda għal raġunijiet oħra le, filwaqt li enfasizza li hi din-DNA uman li jiċċaqlaq minn post għal ieħor.