“L-ewwel sena ta’ presidenza kienet donnha rollercoaster” – Il-President

Read in English.

Il-President ta’ Malta George Vella sostna li l-ewwel sena ta’ presidenza tiegħu għar-Repubblika ta’ Malta kienet bħal rollercoaster.

Hu qal dan dalgħodu f’intervista waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103. Il-President Vella qal li beda l-ewwel sena tiegħu bis-sabiħ, permezz taċ-ċerimonja u anke l-mod kif il-poplu Malti laqa’ lilu u lil martu f’dan l-irwol. Qal iżda li din l-esperjenza sabiħa malajr inbidlet għal waħda ta’ tensjoni kawża għas-sitwazzjoni politika li kien jinsab fih il-pajjiż dak iż-żmien.

Hu qal li s-sitwazzjoni tal-pajjiż ma kinitx waħda tajba u f’Diċembru laħqet il-massimu tagħha. Irrakonta partikolarment it-13 ta’ Diċembru meta hu kkonvinċa lill-Pulizija u l-armata sabiex jitħalla jidħol il-Belt Valletta bil-karozza bħal kull President ta’ qablu, b’mod normali, fl-istess waqt li kienet għaddejja protesta mis-soċjetà ċivili. Qal li dak kien “breaking point” għalih imma faħħar u rringrazzja wkoll lis-soċjetà ċivili talli kkoperat.

Irrimarka li meta tneħħa l-Prim Ministru Joseph Muscat kien żmien partikolarment diffiċli. Qal li hu għamel dak kollu li seta’ biex iżomm il-paċi u l-kalma fil-pajjiż u assigura li ma jwaqqafx il-vuċi ta’ dawk li riedu jipprotestaw. Wara l-bidla tal-Prim Ministru għal dak kurrenti, Robert Abela, is-sitwazzjoni fil-pajjiż bdiet taqleb għall-aħjar. Qal iżda li malli dan beda jiġri feġġet il-coronavirus f’Malta u ħolqot xi ftit ta’ żbilanċ fil-progress li kien qed isir.

Hu tkellem ukoll dwar il-mumenti sbieħ bħal meta ltaqa’ mal-Papa Franġisku jew mar-Reġina Eliżabetta u meta indirizza diversi avvenimenti u konferenzi barra minn xtutna.

“Ilni tliet ġimgħat ma noħroġ sa barra”

Il-President Vella qal li hu u martu ilhom tliet ġimgħat ma joħorġu mill-appartament tagħhom li jinsab fil-palazz ta’ San Anton. Spjega li hu għandu 78 sena, u b’hekk jaqa’ fil-grupp li l-Gvern talab sabiex ma joħorġux minn djarhom.

Intant ingħaqad mal-appell tal-awtoritajiet sabiex persuni li għaddejjin minn abbuż f’dan iż-żmien diffiċli jitolbu l-għajnuna. Qal li jekk hemm abbuż għandhom fejn jirrikorru biex jikkontrollaw aġir li mhux normali.

Il-messaġġ uffiċjali tal-President Vella

Il-President George Vella llum ħareġ ukoll il-messaġġ uffiċjali tiegħu f’għeluq l-ewwel sena minn meta ħa l-ġurament tal-ħatra bħala President tar-Repubblika ta’ Malta. Spjega li l-bidu tal-Presidenza għaddiet minn ċirkostanzi bla preċedent, iżda li wasslu sabiex il-poplu Malti u Għawdxi juri l-karattru veru tiegħu.

Spjega kif fiċ-ċirkustanzi diffiċli ta’ Diċembru li għadda, appella għall-kalma u biex kulħadd ikun konxju tar-responsabbiltajiet li għandhom jinġarru. Spjega li l-perjodu ta’ tranżizzjoni għat-tmexxija tal-PM Abela kien perjodu fejn spikkat il-maturità politika tal-poplu Malti u s-sens ta’ rispett lejn il-pajjiż u l-valuri li jħaddan. Hu rringrazzja lil kull min ikkopera biex titwaqqaf it-tensjoni, bla ma tnaqqsu ebda drittijiet ċivili u l-proċess demokratiku tħalla jaħdem.

Hu sostna li matul dak iż-żmien żamm is-silenzju sabiex inħalli l-ġustizzja tieħu triqitha fl-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.  Sostna li dan kien delitt li tefa’ tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali u jistenna li fi żmien raġonevoli ssir ġustizzja u ħaqq ma’ kull min kien involut f’dan l-att atroċi.

Jitkellem dwar ir-riforma tal-kostituzzjoni

Tkellem dwar ir-riforma kostituzzjonali u qal li l-pajjiż sar aktar konxju fuq il-ħtieġa li partijiet tal-Kostituzzjoni jinbidlu biex jirriflettu iktar u aħjar iż-żminijiet tal-lum u tal-futur. Qal li kien hemm parteċipazzjoni sodisfaċenti minn mijiet ta’ nies li ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li beda hu, u li ntemmet f’nofs Frar li għadda. Spjega li l-bosta proposti li waslu qed jiġi analizzati.

Qal li l-pass li jmiss huwa li b’aktar konsultazzjoni pubblika, tkompli titwitta t-triq għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali li hija ntiża biex tkompli tixpruna l-ideat li għandhom iwasslu għal abbozzi li permezz tagħhom isiru l-emendi, li jinħass li jkunu meħtieġa fil-Kostituzzjoni mill-Parlament.

“L-imxija tal-virus tinżamm taħt lenti kontinwa”

Il-President Vella tkellem dwar l-impatt li ħalla l-coronavirus fuq Malta u l-bqija tad-dinja. Qal li f’Malta, din l-imxija qed tinżamm taħt il-lenti kontinwament. Sostna li l-miżuri li qed jittieħdu huma f’waqthom biex il-virus ma jinfirixx f’daqqa mal-pajjiż kollu. Insista li hemm bżonn impenn biex jiġu llimitati r-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija Maltija u fuq il-ħajja soċjali. “Nemmen li, bħalma rnexxielna negħlbu sfidi oħrajn u iktar diffiċli fil-passat, se jirnexxielna nirkupraw u nkomplu bir-ritmu ekonomiku li konna qbadna qabel seħħet din l-imxija,” insista l-President.

Jitkellem dwar l-esperjenzi sbieħ li kellu

Il-President semma d-diversi esperjenzi sbieħ li ġabet magħha din l-ewwel sena ta’ presidenza fejn fosthom semma l-laqgħa li kellu mal-Papa Franġisku. Tkellem ukoll dwar laqgħat li ddeskriva bħala pożittivi mal-President Taljan Sergio Mattarella, ir-Reġina Eliżabetta II, il-Prinċep Charles, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, il-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, l-Imperatur Ġappuniż, il-President Awstrijak u numru ta’ Presidenti oħra ta’ pajjiżi Ewropej, kif ukoll bosta dinjitarji oħra li ltaqa’ magħhom hawn Malta.  Qal li kienu ta’ sodisfazzjon ukoll l-istediniet li kellu biex jindirizza laqgħat f’universitajiet ewlenin f’Tokjo, fi Krakovja, f’Ruma u f’Londra.

Esperjenzi pożittivi lokalment ma jonqsux

Semma wkoll kif lokalment ħa pjaċir jiltaqa’ ma’ bosta rappreżentanti mill-korpi kostitiwiti Maltin, żar bosta entitajiet pubbliċi u kumpaniji privati, kien mistieden jindirizza bosta konferenzi b’temi varji, kif ukoll irnexxielu jiltaqa’ ma’ firxa wiesa’ ta’ nies – minn tfal għal żgħażagħ, persuni b’diżabilità, NGOs, u anzjani.

Irrimarka li l-kuntatt man-nies iwasslu biex iħoss il-polz tas-soċjetà u kif is-soċjetà qed tevolvi maż-żmien.  Qal li kien għalhekk li matul din il-Presidenza serva bħala xprun f’diversi inizjattivi, fosthom l-użu tajjeb tal-ilsien Malti, il-kuxjenza dwar is-saħħa mentali, u kompla jagħti spinta fis-settur tal-filantropija.  Hu rringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi ta’ kull twemmin fil-pajjiż, għall-koperazzjoni u r-rispett li dejjem sab mingħandhom.

“Inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu”

Il-President qal li l-pubbliku jrid iħares ‘il quddiem b’ottimiżmu. Qal li jixtieq li matul it-tieni sena tal-Presidenza tiegħu l-ewwel tgħaddi malajr kemm jista’ jkun il-pandemija tal-coronavirus u jitwittew l-effetti fuq l-ekonomija u l-ħajja soċjali tal-pajjiż kemm jista’ jkun malajr.

Qal li jixtieq li dawk l-appuntamenti li tħassru jew ġew posposti għal data oħra, bħaż-żjara tal-Papa Franġisku, jinstabilhom posthom fid-djarju tiegħu kemm jista’ jkun malajr.

Qal li jrid jara li fix-xhur li ġejjin isir it-twettiq ta’ riformi li jattwaw iktar u aħjar dawk il-miżuri li jsaħħu s-saltna tad-dritt, u jrid jara wkoll li tiżdied il-fiduċja fil-qasam ġudizzjarju. Qal li fuq kollox, irid jara l-kamp politiku iktar iffukat fuq l-ħolqien tal-ġustizzja soċjali, u l-ħolqien tal-ġid għas-soċjetà kollha. Matul is-sena li ġejja jrid ikollu wkoll iktar kuntatti ma’ għaqdiet tal-volontarjat, biex b’ħidma flimkien tissaħħaħ l-għaqda fil-pajjiż.  Hu rringrazzja lill-istaff kollu tal-Uffiċċju tal-President għall-għajnuna kbira li jagħti lilu u lil martu fil-qadi ta’ dmirijiethom. Irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-imħabba u r-rispett li dejjem wera lejhom.