L-ewwel seminar dwar l-investimenti għall-2017 għall-impjegati tal-BOV

Il-Bank of Valletta ospita l-ewwel seminar ta’ kull tliet xhur dwar l-investimenti għal din is-sena għar-rappreżentanti awtorizzati u għall-konsulenti finanzjarji tiegħu fix-Xara Lodge fil-limiti tan-Naxxar.
Dan l-avveniment jaġġorna lill-parteċipanti dwar l-ambjent dinamiku tas-suq, filwaqt li jipprovdi wkoll pjattaforma għad-diskussjoni u n-netwerking.
Fl-indirizz ta’ merħba tiegħu, Romeo Cutajar, Kap tas-Swieq Finanzjarji u l-Investimenti ta ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni tal-Bank matul l-ewwel tliet xhur tas-Sena Finanzjarja.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nirrapporta prestazzjoni pożittiva fl-oqsma kollha tal-investiment,” qal Cutajar. Filwaqt li ħeġġeġ lill-parteċipanti biex iżommu r-rittmu attwali, huwa semma x-xenarju ta’ rati baxxi tal-imgħax u l-ambjent ferm kompetittiv bħala l-isfidi prinċipali.
“Minkejja dan, aħna ninsabu kunfidenti li l-investiment li qed nagħmlu fin-nies tagħna qed iħalli benefiċċji, u qed jissarraf f’servizz professjonali u f’soluzzjonijiet ta’ investiment aktar imfassla apposta għall-klijenti tagħna.”
Ix-xenarju tas-swieq internazzjonali kif ukoll ix-xena tas-suq lokali ġew diskussi fid-dettall mill-kelliema tal-BOV.