L-ewwel sajf għal be.HOTEL suċċess

Wara r-rebranding u x-xogħol li jiswa diversi miljuni ta’ ewro biex jiġi rrenġat il-be.HOTEL fil-Kumpless tat-turisti ta’ Bay Street, f’San Ġiljan, il-lukanda rrappurtat li kellha sajf fenomenali bil-kmamar okkupati l-ħin kollu.
Parti mis-suċċess imur lejn l-isħubija tal-Preferred Hotels & Resorts, l-ikbar marka ta’ lukandi indipendenti fid-dinja, li jirrappreżentaw iktar minn 650 lukanda, resorts, residenzi u gruppi ta’ lukandi f’85 pajjiż.
Il-be.HOTEL nidiet tlett lingwi oħra fuq is-sit elettroniku tagħha, li huma l-Ġermaniż, it-Taljan u l-Franċiż. Xi ħaġa oħra ġdida fuq is-sit hu l-faċilità biex il-mistednin ikollhom aċċess għall-paġna ta’ concierge qabel ma jżuru l-lukanda biex ikunu jistgħu jibbukkjaw tours u ħarġiet oħrajn waqt li jgawdu minn roħs fil-prezzijiet.
Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ be.HOTEL, “l-ewwel ħames xhur tal-operat tal-lukanda kienu ta’ sfida iżda ta’ sodisfazzjon kbir. Issa nixtiequ nieħdu vantaġġ minn dan il-momentum billi nagħmluha iktar faċli għall-klijenti potenzjali fil-Ġermanja, Franza u l-Italja biex iħossu ruħhom iktar komdi meta jikkomunikaw mal-impjegati tagħna”.