L-ewwel saċerdot mill-favelas maħtur Isqof Awżiljarju ta’ Buenos Aires

Fis-16 ta’ Diċembru fi Plaza de Mayo waslu grupp ta’ persuni mill-favela ta’ Bajo Flores fi Buenos Aires, waqfu quddiem il-Katidral u hemm fetħu banner li kien jgħid: “Il-Papa mal-Favelas” u bdew jiżfnu għad-daqq tat-tnabar filwaqt li għollew statwa li tissimbolizza lill-Papa Franġisku.
Dik il-għodwa fil-Katidral, il-qassis tagħhom, Fr Gustavo Carrara, kien ordnat Isqof Awżiljarju ta’ Buenos Aires, fl-istess jum li fl-1992, Jorge Mario Bergoglio, illum Papa Franġisku, kien ordnat Isqof ta’ Buenos Aires.
L-Isqof Carrara, meqjus bħala l-iben spiritwali ta’ Papa Franġisku, hu l-ewwel qassis ġej mill-mandraġġi tal-Arġentina jew kif inhuma magħrufa hemmhekk, il-favelas, li ngħaqad mal-Episkopat Arġentin. 
Ta’ 44 sena dan ir-raġel twil b’vuċi baxxa, hu wieħed minn 22 saċerdot li l-Kardinal Beroglio kien ħarreġ u bagħat jaħdmu fi nħawi foqra, fejn hemm ħafna vjolenza u traffikar ta’ droga.
Mill-1998 'l hawn l-Isqof Carrara ħadem fil-parroċċa  ta’ Santa Marija, b’popolazzjoni ta’ 40,000 hi post fejn is-sewwieqa tat-taxis jirrifjutaw li jidħlu. Fiha tgħix popolazzjoni magħmula minn persuni ġejjin mill-Bolivja, il-Perù u l-Paragwaj li jaħdmu fl-industrji tat-tessuti u tal-bini.
Il-post hu miżgħud bi sqaqien perikolużi, mimlija żibel, u spiss jispiċċaw mgħarrqa u mingħajr elettriku. Il-pulizija jagħmlu r-ronda armati sa snienhom. Dan hu post mimli vjolenza, traffikar ta’ drogi fejn kulħadd jaf lill-Isqof Carrara, l-aktar iż-żgħażagħ li ħafna minnhom jispiċċaw mejta wara li jieħdu l-‘paco’ – id-droga tal-fqar – li mill-ewwel darba li jeħduha tibdilhom f’zombies, kapaċi joqtlu biex ikollhom flus biex jixtru d-doża li jmiss.
Fil-ġranet meta jarma s-suq, Fr Carrara kien iqaddes f’nofs in-nies, jilqa’ lil kulħadd u jwassal messaġġ sempliċi u ċar. “Irridu nitkellmu ma’ kull individwu fis-sitwazzjoni partikolari tiegħu jew tagħha”.
Il-ħatra a’ Mons. Carrara bħala Isqof Awżiljarju tfisser bidla fl-istorja tal-Knisja fl-Arġentina. Qabel is-saċerdoti tal-favelas kienu mogħtija l-ġenb. Fis-snin 90 bil-wasla ta’ Jorge Bergoglio bħala Kurat qabel inħatar Arċisqof is-sitwazzjoni ta’ dawn is-saċerdoti bdiet tinbidel. U meta sar Papa fl-2013 il-popolarità ta’ dawn il-qassisin kibret ħafna.
Wara l-Ordinazzjoni Episkopali, l-Isqof telaq man-nies tiegħu lura lejn ir-raħal u meta wieħed mill-parruċċani staqsih issa x’għandhom jibdew isejħulu wieġbu: “Gustavo, bħal qabel”.