L-ewwel riżultati tal-atleti Maltin fil-Logħob tal-Commonwealth

Malta kisbet rebħiet prestiġjużi fil-Lawn Bowls u l-Isquash, wara l-ewwel ġurnata tal-20 edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth.
Fil-Lawn Bowls, il-koppja Leonard Callus u John Parnis rebħu bl-iskor ta’ 18-16 kontra Richard Cribb u Michael Donohe minn Norfolk Island.
Fis-singles tan-nisa, Carmen Spiteri tilfet 21-7 kontra n-Nord Irlandiża Natalie Melmore.
Fl-isquash tal-rġiel, wara li fl-ewwel rawnd kienu bye, Bradley Hindle Deguara għeleb lil Scott Fitzgerald ta’ Wales bl-iskor ta’ 3-0.
Fil-kategorija tan-nisa, Kim Borg Cauchi tilfet ukoll bl-iskor ta’ 3-0, kontra Saffery ta’ Wales.
Telfa oħra wkoll għal Colette Sultana li tilfet 3-2 kontra Methsarani tas-Sri Lanka.
Minn naħa l-oħra Daniel Zammit Lewis tilef ir-rawnd tal-aħħar erbgħa u sittin kontra Sunil Seth ta’ Guyana, bl-iskor ta’ 3-0.
Il-Maltin kienu nvoluti wkoll fil-Judo, fejn Jeremy Saywell tilef kontra l-Indjan Manjeet Nandal fir-rawnd preliminari tal-aħħar tnejn u tletin fil-kategorija tas-sitta u sittin kilogramma.
Fil-finali tat-Triathlon tal-Irġiel, Keith Galea ma rnexxielux itemm it-tellieqa magħmula minn għawma ta’ elf u ħames mitt metru, tellieqa bir-roti ta’ erbgħin kilometru u ġirja ta’ għaxar kilometri.
Fit-Triathlon tan-nisa, Danica Bonello Spiteri spiċċat fil-ħmistax-il post minn erbgħa u għoxrin atleta li bdew it-tellieqa.
Danica temmet it-tellieqa f’ħin ta’ sagħtejn wieħed u għoxrin minuta u erbatax-il sekonda, jiġifieri ftit aktar minn tnejn u għoxrin minuta wara l-Ingliża Jodie Stimpson, ir-rebbieħa tal-midalja tad-deheb.