L-ewwel ritratt tat-toqba s-sewda fl-ispazju

Permezz ta’ telescopes, it-tim xjentifiku internazzjonali ħabbar li kien hemm avvanzi fl-astrophysics hekk kif irnexxielhom jieħdu l-ewwel ritratt li qatt ittieħed tat-toqba s-sewda. Fi stqarrija l-Kummissjoni Ewropea qalet li din l-iskoperta tipprovdi evidenza viżwali tal-eżistenza ta’ toqob suwed u twessa’ l-limiti tax-xjenza moderna.

Din il-kisba xjentifika timmarka bidla fundamentali fil-fehim tat-toqob suwed, tikkonferma l-previżjonijiet tat-Teorija Ġenerali tar-Relattività ta’ Albert Einstein u tiftaħ perspettivi ġodda fl-istudju tal-univers. Dawn l-immaġini ġew ippubblikati l-Erbgħa f’sitt konferenzi simultanji madwar id-dinja.

Il-Kummissarju Carlos Moedas responsabbli mir-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni qal li l-finzjoni ta’ spiss tispira x-xjenza u t-toqob is-suwed kienu ilhom snin iġegħluhom joħolmu u jqajmulhom kurżità. Kompla li permezz tal-kontribuzzjoni ta’ xjenzjati Ewropej dan ma għadux biss kunċett teoretiku.

Il-President tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERC), il-Professur Jean-Pierre Bourguignon feraħ lix-xjenzjati li għamlu din l-iskoperta tant stimulanti u wessgħu l-fruntieri tal-għarfien.

Dawn ir-riżultati jkomplu jiżdiedu mal-kisbiet tal-programmi ta’ finanzjarjament tal-Unjoni Ewopea għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 u l-programmi Qafas.