L-ewwel pubblikazzjoni diġitali Maltija tagħlaq 26 sena

Qabel ma l-internet u l-email saru realtà, l-ewwel pubblikazzjoni diġitali Maltija kienet tiddependi fuq floppy disks biex tinxtered minn persuna għal oħra.

L-ewwel edizzjoni ta’ ROM, li kienet tiffoka fuq il-computers u fuq l-arti diġitali, għalqet 26 sena dan ix-xahar.

Kienet taħdem esklussivament fuq computers Amiga, li dak iż-żmien kienu l-aktar PCs popolari, u minkejja n-nuqqas ta’ internet, kienet titqassam b’xejn madwar l-Ewropa kollha bil-posta. Il-pubblikazzjoni sħiħa kienet toqgħod fuq floppy disk waħda li tesa 880 kilobytes ta’ data, ammont li hu probabbilment anqas minn dik użata biex jinqara’ dan l-artiklu fuq Newsbook.com.mt.

 Bil-limitazzjonijiet kollha, u fi żmien qasir, ROM saret waħda mill-aktar pubblikazzjonijiet popolari internazzjonalment tax-xorta tagħha, jispjega l-editur tagħha Noel Baldacchino, li fix-xena kien magħruf bħala “Mop.”

Ix-xena in kwistjoni hi magħrufa bħala d-demoscene, li daħlet fis-seħħ hekk kif PCs bdew iżidu fil-popolarità tagħhom fid-djar. Gruppi varji kienu jikkommpetu ma xulxin biex jipproduċu pubblikazzjonijiet bl-aħjar diżinji u kontenut, li ħafna drabi kienu jinxterdu f’attivitajiet magħrufa bħala demoparties.

ROM innifisha kienet intlaqgħet tajjeb ferm, u f’diversi snin ġiet ivvutata bħala l-aqwa publikazzjoni tax-xena fl-Eurocharts Top 20.

Ħafna żgħażagħ li kienu attivi fid-demoscene spiċċaw jokkupaw pożizzjonijiet ewlenin fil-kumpaniji tal-logħob diġitali, u oħrajn spiċċaw jaħdmu fuq filmati ta’ animazzjoni jew produzzjonijiet ta’ Hollywood.

F’Ġunju li għadda, id-demoscene ġiet rikonoxxuta bħala kultura diġitali, u tpoġġiet fil-lista tal-wirt kulturali Ewropej tal-UNESCO. Il-kontribuzzjoni ta’ ROM ċertament għenet biex dan sar fis-seħħ.

B’kollox kienu ħarġu 9 pubblikazzjonijiet ta’ ROM matul 3 snin, u peress li kellha udjenza internazzjonali, il-kontenut kien kollu bl-Ingliż. Fl-aħħar tal-1997, hekk kif l-Internet qabad sew, ROM imxiet fuq il-World Wide Web, fejn damet għaddejja sal-1999.