L-ewwel produzzjoni lokali bil-parteċipazzjoni ta’ 2 leġġendi ta’ Hollywood

‘Storbju’ huwa produzzjoni ġdida u eċċitanti lokali li se jibda x-xogħol fuqha f’inqas minn ġimgħatejn. Ispirat mir-rewwixti ta’ Ġunju fl-1919, il-film huwa taħt id-direzzjoni ta’ Davide Ferrario (After Midnight, We all Fall down) u miktub minn Jean Pierre Magro (Bulgarian Rhapsody).

Magħfusin bi snin ta’ awsterità, żieda fil-qagħad u prezzijiet jogħlew, il-popolazzjoni Maltija qamet kontra l-Uffiċċju Kolonjali. Fis-7 ta’ Ġunju 1919, eluf ta’ rġiel bil-ġuħ, nieqsa minn kollox u mimlija tama ħabtu għall-belt biex jeżiġu riformi tant bżonnjużi. Sfortuntament il-protesti saru vjolenti. Il-bandiera Brittannika ġiet imċarrta minn ħafna binjiet tal-gvern. Numru ta’ binjiet ġew misruqa mbagħad maħruqa. It-truppi Brittanniċi mal-ewwel ġew sarbati biex jerġgħu jġibu l-paċi u l-ordni. Ħafna nies mietu f’dik il-ġurnata sinifikanti.

Il-Brittanniċi ħbew l-istorja mill-pubbliku u ppruvaw jikkanċellaw it-traċċi għal dak li kien ġara. Madwar 115 ċittadin Malti, li l-aktar li kienu żgħażagħ, ingħataw it-tort għall-vjolenza u ġew ikkundannati għal xogħol iebes. Storbju li se jkun hemm fih l-atturi Harvey Keitel u Malcolm McDowell, huwa r-rebħa tant mistennija ta’ Malta biex taqsam mad-dinja, kif din il-gżira Mediterranja żgħira ħebbet għall-Imperu Brittanniku.

Waqt it-tnedija, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi wera s-sostenn tiegħu u qal li, “din l-inizjattiva partikolari deċiżament se tgħin fil-promozzjoni tal-gżejjer Maltin. Illum il-ġurnata l-istejjer huma parti kruċjali biex wieħed iwassal il-prodott tiegħu b’mod b’saħħtu. Films Maltin żgur jistgħu jwettqu xi ħaġa bħal din.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti ukoll, u qal, “Aħna onorati ferm li nagħmlu parti minn dan il-proġett. Il-film huwa ta’ importanza kruċjali għalina minħabba li jirrifletti s-soċjetà, kemm preżenti kif ukoll tal-imgħoddi. Inħoss li huwa d-dmir tiegħi bħala Ministru għall-Kultura  li nagħti l-appoġġ għal inizjattiva importanti bħal din u nawgura lit-tim kollu l-aħjar possibbli. Nappella lill-poplu Malti biex jingħaqad wara din il-produzzjoni u jkun ta’ għajnuna b’kwalunkwè mod possibbli.”

Il-kast Malti huwa magħmul minn ħafna uċuħ familjari

Il-film qed jiġi prodott minn Aaron Briffa, Pedja Miletic u Jean Pierre Magro. Magro, li tkellem f’isem it-tim tal-produzzjoni qal li, “hija opportunità mill-isbaħ li ġejna fdati bi produzzjoni bħal din. Il-memorja kollettiva ta’ pajjiż hija sagra u aħna rridu nonoraw l-istorja ta’ missirijietna.”

Il-kast Malti huwa magħmul minn ħafna uċuħ familjari, fosthom Godwin Scerri, Ryan Debattista, Jane Marshall, Narcy Calamatta, Marc Caboudain, Peter Galea, Jesmond Mizzi u Erica Muscat.

Davide Ferrario, id-direttur li qiegħed imexxi dan il-proġett qal li dan il-film huwa opportunità tajba sabiex il-barranin jifhmu aktar lill-Malta u lill-Maltin. “Filwaqt li din hija storja intrinsikament Maltija, jien inħoss ukoll li hija storja universali. Tista’ tieħu din in-narrattiva u tpoġġieha f’kull pajjiż fid-dinja, u din xorta tkun tagħmel sens.”

Il-produtturi eżekuttivi ta’ dan il-film huma Roland Joffe, Shayne Putzlocher u Sara Shaak, u huwa skedat li jinħareġ fil-ħarifa tal-2020. Id-drittijiet ta’ distribuzzjoni dinjija ta’ ‘Storbju’ ġew akkwistati minn Electric Entertainment, il-kumpanija ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u post-produzzjoni bbażata f’Los Angeles.

Bħalissa l-produzzjoni qiegħda tfittex irgiel ta’ bejn t-tmintax u l-ħamsin sena bi statura zgħira illi jixtiequ jkunu parti minn dan il-film. Dawk interessati jistgħu jibgħatu email fuq rowanpolidano@gmail.com mill-aktar fis possibbli.