L-ewwel penalti Olandiż, seta’ ġie skurjat?

Fi ftit ġranet oħra tiġi fi tmiemha l-edizzjoni tat-Tazza tad- Dinja li żgur se tibqa’ tissemma’ fl-istorja.
L-edizzjoni li fiha rajna lill-Ingliżi u t-Taljani li ġew eliminati mill-istess grupp u b’sorpriża ħadu l-grupp il-Kosta Rika li baqgħu telgħin sal-kwarti tal-finali kontra l-Olanda.
Rajna lill-Ispanjoli li huma r-rebbieħa tal-edizzjoni preċedenti li wkoll ġew eliminati mill-fażi tal-gruppi.
Rajna l-Brażil li ġew eliminati fis-semifinali mill-Ġermanja bi skor storiku u umiljanti ta’ 7-1.
Fis-semifinali bejn l-Olanda u l-Arġentina, li ntemmet b’rebħa għall-Arġentini bl-għoti tal-penalties, hemm xi ħaġa li forsi mhux kulħadd intebaħ biha.
Il-gowlkiper Arġentin Romero wara li laqa’ l-ewwel penalti Olandiż mogħti minn Vlaar, il-ballun ħabat mal-art u tgerbeb bil-mod sa ma waqaf fuq il-linja.
Li kieku l-ballun qabeż il-linja, seta’ jingħata bħala penalti skurjat?
Li kieku l-ballun qabeż il-linja, iva kien ikun penalti skurjat.
Iżda li kieku Vlaar wara li ta l-penalti reġa’ mess il-ballun qabel ma jkun qabeż il-linja, ma kienx jgħodd bħala gowl.
Ir-regolament tal-FIFA jgħid, ”Huwa r-referì li jiddeċiedi meta l-għoti tal-penalti ġiet fi tmiemha.
Bħala regola ġenerali, jekk il-ballun qabel ma daħal fix-xibka jkun ħabat mal-lasti jew mal-gowlkiper, kif ukoll jekk ħabat mal-lasta u mbagħad mal-gowlkiper, jingħata bħala gowl.
Gowl jgħodd ukoll anki jekk il-ballun ikun ħabat mal-lasta u qabeż fuq il-linja qabel ma spiċċa fix-xibka.
Fuq kollox, ir-regolament jgħid ukoll li l-plejer li jkun ta l-penalti ma jistax jerġa' jmiss il-ballun.”