L-ewwel monument għall-vittmi ta’ Stalin fir-Russja

Il-President Russu Vladimir Putin kixef l-ewwel monument fir-Russja li jfakkar il-vittmi politiċi tad-dittatur tal-Unjoni Sovjetika, Joseph Stalin.
F’messaġġ, il-President Russu saħaq li huwa importanti li kulħadd iħares lejn l-istorja b’mod ċar sabiex ikun assigurat li din ma tirrepetix ruħha. Saħaq li l-passat terribli m’għandu qatt jitneħħa mill-memorja nazzjonali u xejn ma jista’ qatt jiġġustifikah. 
Kritiċi tal-President Russu madankollu sostnew li l-President Putin qiegħed hu stess ikun il-kawża ta’ persekuzzjoni politika b’libertajiet bażiċi jkunu mhedda.
Il-monument, li qiegħed jisejjah il-ħajt tan-niket, huwa xogħol l-artist Georgy Frangulyan li deskriva x-xogħol bħala espressjoni ta’ biża’.
Huwa maħsub li taħt it-tmexxija ta’ Stalin bejn l-1929 u l-1953 huma miljuni l-vittmi li spiċċaw maqtula jew diportati. Bejn l-1937 u 1938 biss hu mifhum l-maqtula kienu jaqbżu s-750,000.