L-ewwel minn sensiela ta’ djalogi taċ-ċittadini organizzati mill-MEUSAC

It-tliet Ewroparlamentari nisa Maltin qalu li ċ-ċittadini huma l-iktar element essenzjali tal-Unjoni Ewropea u li għalkemm l-informazzjoni dwar id-drittijiet, id-dmirijiet u l-opportunitajiet huma importanti għaċ-ċittadini, l-MEPs iridu jisimgħu l-opinjonijiet taċ-ċittadini nfushom u jressquhom fil-Parlament Ewropew. 

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Claudette Abela Baldacchino, Roberta Metsola u Marlene Mizzi ħadu sehem fi djalogu taċ-ċittadini organizzat mill-MEUSAC.

L-għan ta’ dan id-djalogu, li hu parti mill-attivitajiet tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, huwa li ċ-ċittadini jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar suġġetti marbuta mal-UE u maċ-ċittadinanza tal-UE. 

Dwar l-immigrazzjoni irregolari, l-Ewroparlamentari Maltin qalu li għalkemm jikkritikaw lill-Kummissjoni Ewropea li mhix tagħmel biżżejjed f’din il-kwistjoni, huma l-Istati Membri li fl-aħħar mill-aħħar iridu jwettqu s-solidarjetà fil-prattika.

Huma qalu wkoll li għandu jkun hemm rispett min-naħa tal-UE għas-sentiment tal-poplu Malti li għandu sitwazzjoni partikolari bħala gżira li dawk li jispiċċaw fiha jingħalqu u ma jistgħux imorru fil-kontinent kif ġieb u laħaq.

Id-djalogu li jmiss se jsir nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Awwissu f’Marsalforn u se jkollu t-tema ‘L-Ewropa li rrid ngħix fiha’.

Il-MEUSAC hu l-Kordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013.